Qorti | Paqpaqli: Ir-responsabbilità ta' min hi?

George Abela jgħid li hi tal-President; Coleiro Preca tgħid li le

Il-President Emeritu George Abela qal fil-Qorti li meta kien għadu President, kien iħoss li kien responsabbli minn attivitajiet bħalma hija Paqpaqli Għall-Istrina.

Ix-xhieda ta’ George Abela tikkuntrasta ma’ dak li qalet il-President Marie-Louise Coleiro Preca, meta l-ġimgħa li għaddiet saħqet fil-Qorti li hi ma kellha xejn x’taqsam mal-organizzazzjoni tal-attività.

“Fl-aħħar mill-aħħar nemmen li r-responsabbilità kienet taqa’ kollha fuqi,” saħaq il-President Emeritu quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja

Waqt l-edizzjoni ta' Paqpaqli tal-2015, is-sewwieq Paul Bailey kien tilef il-kontroll u baqa’ dieħel bil-karozza fil-pubbliku u weġġgħu 23 persuna.

Ilbieraħ, u anke l-ġimgħa li għaddiet, qamet il-mistoqsija dwar jekk il-Malta Community Chest Fund kinitx involuta direttament fl-organizzazzjoni tal-attività.

George Abela saħaq li r-responsabbilità ta’ kull attività li ssir taħt l-isem tal-MCCF, taqa’ fuq spallejn il-President.

Spjega li skont l-istatut, id-deċiżjonijiet kienu jittieħdu minn Bord Amministrattiv immexxi mill-President.

Skont George Abela, fi żmien meta hu kien President, l-attivitajiet kienu jiġu skrutinizzati minn kumitat ċentrali u għalkemm ma kienx ikun preżenti għal kull laqgħa kien jassigura li jkun infurmat b’dak kollu li jkun qiegħed jiġri.

Il-ġimgħa li għaddiet, Coleiro Preca saħqet li filwaqt li l-MCCF torganizza attivitajiet bħalma hija r-Rockestra, fil-każ ta' Paqpaqli ma kinitx hi l-organizzatur iżda kienet qed tappoġġja attività bil-għan li jinġabru fondi għall-istrina.

Qalet biss li din l-attivitá ta' Paqpaqli kienet ilha ssir minn qabel ma laħqet President u ġaladarba kienet attività li kien qed ikollha suċċess, kienet staqsiet lill-organizzatur, Tonio Darmanin, jekk kienx interessat li jkompli jorganizza din l-attivitá.

Minkejja dan, reġgħet insistiet li hi ma kellha x’taqsam xejn mal-organizzazzjoni.

Mistoqsi mill-Avukat Joe Giglio dwar jekk hemmx dfferenza bejn attivitajiet bħar-Rockestra u l-August Moon Ball u oħrajn bħal Paqpaqli, George Abela wieġeb fin-negattiv.

Kien hawn li l-Maġistrat innota kif f'xhieda oħra, saret distinzjoni bejn attivitajiet tal-MCCF u oħrajn organizzati minn organizzazzjonijiet terzi, bħalma Paqpaqli.

Iżda Abela wieġeb li fi żmienu ma kienx hemm attivitajiet terzi u saħaq li Paqpaqli kienet attività tal-MCCF.

Il-President Emeritu spjega wkoll kif id-dettall għas-sigurtà kienet tingħata prijorità waqt li spjega kif il-kumitat organizzattiv kien tgħallem ħafna mill-esperjenza tat-tim tal-McLaren meta s-sewwieq tal-Formula 1 Lewis Hamilton kien ġie Malta fl-2012.

More in Qrati u Pulizija