Qtil Daphne | Id-Direttur tal-Ħabs mitlub jinvestiga min qed jgħaddi informazzjoni lill-midja

Jixhdu sid ta' appartament, panel beater u Surġent...

Id-Direttur tal-ħabs intalab jinvestiga kif il-midja qed ikollha informazzjoni dwar it-tlett irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Waqt li llum kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza, l-Avukat ta’ Vince Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu,” qal li xi ħadd mill-ħabs qed jgħaddi informazzjoni dwar it-tliet akkużati lill-midja.

Huwa rrefera għall-fatt li fuq il-midja ħarġet l-aħbar li Vince Muscat kellu jiddaħħal l-Isptar u kien għalhekk li talab lill-Qorti biex tordna investigazzjoni dwar dan.

Il-prosekuzzjoni ma kellha l-ebda oġġezzjoni u l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ordnat lid-Direttur tal-ħabs biex minnufih jibda jinvestiga.

Vince Muscat il-Koħħu, Alfred Degiorgio l-Fulu u George Degiorgio ċ-Ċiniż, ġew arrestati f’Diċembru li għadda waqt rejd li sar mill-Forzi tal-Ordni fil-Marsa.

Jixhdu sid ta' appartament, panel beater u Surġent

Fost ix-xhieda tal-lum, kien hemm Carmelo Fava, li spjega kif kien ilu minn Awwissu tal-2017 jikri appartament f’San Pawl il-Baħar lil Alfred Degiorgio. Għal dan l-appartament, Degiorgio kien qed iħallas €800 fix-xahar fi flus kontanti.

Intalab jixhed ukoll panel beater li kien ħadem fuq karozza tal-kiri li kienet qed tuża l-ġurnalista Caruana Galizia.

Skont dan ix-xhud, iċ-ċwievet tal-karozza li kienet qed tikri Caruana Galizia ġew impustati f’kaxxa tal-ittri żbaljata u kellu jagħmel kuntatt mas-sid ta’ din il-propjetá biex ikun jista’ jiksibhom lura u jibda x-xogħol.

Huwa ħadem fuq din il-karozza f’Settembru tas-sena li għaddiet.

Intalab jixhed ukoll ir-raġel li biegħ id-dgħajsa lil George Degiorgio. Spjega kif biegħ id-dgħajsa għal €30,000 u apparti li tħallas fi flus kontanti, it-trasferiment tagħhom sar ma ħuh, Alfred Degiogio.

Surġent tal-Pulizija, li kien fit-triq tal-Bidnija ftit wara li splodiet il-bomba, fis-16 ta’ Ottubru li għadda, spjega kif il-fjamma tant kemm kienet qawwija li ma setgħux jersqu viċin, aħseb u ara jagħtu l-ewwel għajnuna.

Żewġ rapprenżentanti ta’ Transport Malta spjegaw ukoll liema huma l-vetturi rreġistrati fuq it-tliet akkużati u anke kkonfermaw li l-aħwa Degiorgio kellhom dgħajsa waħda rreġistrata fuq isimhom.

F’seduti oħra, intqal li x’aktarx il-messaġġ li attiva l-bomba fil-Bidnija kien ġej minn fuq din id-dgħajsa li kienet barra l-Port il-Kbir.

Nuqqas ta' qbil bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża

Waqt is-seduta tal-lum ukoll, id-Difiża saħqet  i f'dan l-istadju, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma għandux ikun parti mill-kawża, iżda l-Avukat li qed jidher għall-familja Caruana Galizia, oġġezzjona għal dan.

Id-difiża saħqet ukoll li l-akkużati mhux qed ikunu trattati l-istess bħall-priġunieri l-oħra u fost oħrajn talbu għal aktar privatezza waqt li l-akkużati jkunu qed jiltaqgħu mal-qraba tagħhom. Talbu wkoll biex il-ħin tal-viżitaturi jkun qabel il-5:30pm kif inhu bħalissa.

Is-seduta li jmiss se ssir nhar il-Ħamis 15 ta’ Frar.

Agħfas hawn u hawn biex taqra aktar dwar dak li ħareġ fis-seduti li għaddew.

More in Qrati u Pulizija