Miċħuda talba biex l-istejdjum nazzjonali jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Il-KNPD ried li l-Qorti tiddikjara li l-MFA kienet qed tiddiskrimina kontra persuni b’diżabilità 

Il-Qorti ma aċċettatx it-talba tal-Kummissjoni Nazzonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) biex l-istess Qorti tordna lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) tagħmel xogħlijiet fl-istejdjum nazzjonali f’Ta’ Qali sabiex dan ikun aktar aċċessibbli għall-persuni li jagħmlu użu mis-siġġu bir-roti.

Erba’ snin ilu l-KNPD kienet fetħet il-każ quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-MFA minħabba li n-naħa magħrufa bħala l-‘enclosure’ mhix aċċessibbli għall-persuni b’siġġu bir-roti.

Il-KNPD ried li l-Qorti tiddikjara li l-MFA kienet qed tiddiskrimina kontra persuni b’diżabilità u li tordna li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex ikun hemm aktar aċċessibilità.

L-MFA insistiet li l-persuni b’siġġu bir-roti jistgħu jidħlu fl-istejdjum nazzjonali min-naħa tal-Millenium Stand u li għalhekk din it-talba mhix raġjonevoli.

Perit ipprepara rapport bix-xogħlijiet li kienu jkun hemm bżonn u dawk jammonta għal madwar €250,000.

L-Imħallef Anna Felice li żaret l-istejdjum u eżaminat l-evidenza, qalet li wara li beda dan il-każ, ma jistgħux jiġu injorati miżuri li ttieħdu mill-MFA biex persuni b’diżabilità jkollhom aċċess aħjar fin-naħa tal-‘enclosure’ u li hija l-parti tal-bar li mhix aċċessibbli f’din iż-żona.

Intqal li għalkemm l-esperti tal-Qorti kkonkludew li din il-parti mhix daqstant aċċessibbli, ma jfissirx lanqas li l-MFA qed tiddiskrimina kontra l-persuni b’diżabilità.

Intqal ukoll li hemm problemi loġistiċi u fit-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid ta’ din iż-żona tal-istejdjum peress li x-xogħlijiet iridu jsiru fix-xhur tas-sajf.

Il-Qorti kkonkludiet li t-talba li jsiru xogħlijiet fl-istejdjum ma kinitx raġjonevoli u rrimarkat li mhux kull inkonvenjenza hija diskriminazzjoni.

More in Qrati u Pulizija