Silvio Valletta kien kkunsidrat għal kummissarju

Mhux eskluż li Lawrence Cutajar  jinħatar Kummissarju

L-ILLUM tista tiżvela li fost il-persuni li ġew avviċinati biex jokkupaw il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija kien hemm l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta. Is-sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li minkejja li Valletta kien ikkunsidrat bħala kandidat mill-aktar idoneu għall-kariga, hu rrifjuta.

Għalkemm għadu mhux ċar x’inhuma r-raġunijiet kollha għal dan ir-rifjut, dawk li tkellmu magħna qalu li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn Valletta ma xtaqx li jokkupa l-ogħla kariga fil-korp kien minħabba l-kariga politika ta’ martu, Justyne Caruana. Nies li tkellmu ma’ Valletta qalu li l-Assistent Kummissarju jħoss li l-fatt li Caruana hija Membru tal-Kabinett u persuna prominenti fil-Partit Laburista, seta’ jitfa’ wisq piż u dell fuq l-operat tiegħu kieku aċċetta li jkun fit-tmun tal-Korp.

Intant l-ILLUM hija nfurmata li f’dan l-istadju, il-Gvern mistenni jżomm lil Lawrence Cutajar bħala Aġent Kummissarju, u li għall-futur, mhux jeskludi li jaħtar lill-istess Cutajar bħala Kummissarju tal-Pulizija. Din il-gazzetta bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali. Ir-risposta li rċevejna kienet biss li deċiżjonijiet lil hinn mill-ħatra ta’ Cutajar bħala aġent kummissarju, “se jittieħdu f’mument ieħor”

 

 

More in Qrati u Pulizija