Il-Korp tal-Pulizija għandu bżonn ta’ aktar riżorsi umani

Carmelo Abela qal li biex ikun hemm il-full complement, jonqos 79 persuna oħra li jridu jiġu reklutati

Fil-ġimgħat li għaddew saru diversi Mistoqsijiet Parlamentari dwar il-Korp tal-Pulizija fosthom kemm huwa l-complement, dwar żoni turistiċi kif ukoll dwar pjanċi tal-vetturi rreġġistrati barra minn Malta.

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, dwar kemm hu n-numru ta’ Pulizija li jitqies li jkun ideali għal ħtiġijiet ta’ pajjiżna u b’kemm hu nieqes il-complement li jista’ jitqies li hu meħtieġ biex il-Korp ikollu full compliment.

Il-Ministru Abela qal li l-compliment approvat tal-Korp, bħalissa huwa ta’ 2,237 filwaqt llum il-ġurnata, il-complement attwali hu ta’ 2,158. Huwa qal li biex ikun hemm il-full complement, jonqos 79 persuna oħra li jridu jiġu reklutati, kif ukoll promossi fid-diversi gradi fejn hemm in-nieqes.

Fi snin li għaddew il-compliment tal-Pulizija kien dejjem tħalla b’nuqqas. Għaldaqstant dan il-Gvern beda billi daħħal 113-il rekluta u sakemm il-complement jiġi infurzat uża il-Police Constabulary u reinstatements ta’ Pulizija b’esperjenza.

Il-Ministru Abela qal li dan il-Gvern jemmen li hemm bżonn demm ġdid fil-Korp tal-Pulizija. L-ingaġġ tal-Pulizija waħdu iżda ma jista’ qatt jikseb riżultati, jekk il-Pulizija ġodda ma jingħatawx taħriġ avvanzat u relevanti.

L-istess Deputat Nazzjonalista, Ċensu Galea, staqsa wkoll lill-Ministru Carmelo Abela jekk matul is-sajf li ġej hux mistenni li jkun hemm Pulizija on patrol fl-inħawi taż-żoni turistiċi bħal San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u Marsaxlokk.

Il-Ministru Abela qal li bħalma sar fis-snin ta’ qabel, anke matul ix-xhur tas-sajf li ġej, il-Pulizija se ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’lokalitajiet turistiċi u ta’ villeġġatura.

Mistoqsija oħra li saret u b’xi mod ukoll b’rabta mal-Pulizija, kienet mingħand id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli li staqsiet lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, kemm hawn vetturi fit-toroq Maltin bil-pjanċi tan-numru ta’ barra minn Malta.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li vetturi rreġistrati f’pajjiż ieħor u li jkunu ġejjin minn barra minn Malta jistgħu jintużaw fit-triq mingħajr restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet preskritti b’regolamenti, temporanjament għal perjodu, konsekuttiv jew mod ieħor, li ma jkunx jaqbeż seba’ xhur f’perjodu ta’ 12-il xahar minn persuna li jkollha r-residenza normali tagħha barra minn Malta.

Fil-każ ta’ residenti Maltin li jkollhom vettura b’numru tar-reġistrazzjoni ta’ barra, iridu jirreġistraw din il-vettura fi żmien 30 ġurnata, u matul dan iż-żmien l-istess vettura ma tistax tinstaq fit-toroq.
Fir-rigward ta’ road side checks, Transport Malta permezz tas-sezzjoni ta’ Infurzar tagħmel dawn ir-road side checks fuq numru ta’ vetturi bi pjanċi barranin li jkunu qegħdin jinstaqu f’Malta.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet jiġu vverifikati ċ-ċertifikat tar-Reġistrazzjoni kif ukoll il-polza tal-assigurazzjoni. Transport Malta hija mpenjata biex iżżid l-isforzi tagħha f’dan il-qasam, anki permezz ta’ kollaborazzjoni sħiħa mal-Pulizija, temm jgħid il-Ministru Mizzi.

More in Qrati u Pulizija