Il-Pulizija tinvestiga 54 każ mill-1972 sa Marzu 2015

L-aħħar mis-sensiela ‘Omiċidji Mhux Solvuti’

Il-katavru ta’ Silvana Muscat qed jiddaħħal fil-hearse tal-Pulizija
Il-katavru ta’ Silvana Muscat qed jiddaħħal fil-hearse tal-Pulizija

Dan huwa l-aħħar artiklu minn din is-sensiela, dejjem jekk ma jseħħux aktar omiċidji li ma jkunux għadhom solvuti. Se nagħtu ħarsa ħafifa lejn is-seba’ każi ta’ omiċidji mhux solvuti li għandna fil-lista tagħna li seħħew bejn is-6 ta’ Frar 1972 u l-21 ta’ Marzu ta’ din is-sena fejn b’kollox seħħew 54 każ. 

Din is-sensiela bdejniha fit-2 ta’ Marzu 2014 u bqajna nippubblikaw artiklu kull nhar ta’ Ħadd. Illum se nħarsu lejn il-każi li fadal f’ordni kronoloġika.

Joseph Grima – 8 ta’ Novembru 2008

Il-każ ta’ Joseph Grima ta’ 42 sena, missier ta’ tifel, mix-Xewkija, inqatel wara li ttajjar minn vettura li baqgħet sejra fi Triq l-Imġarr, fix-Xewkija stess. Għall-ewwel il-Pulizija bdew jittrattaw dan il-każ bħala inċident tat-traffiku magħruf bħala hit & run. Imma rriżultalhom li kien omiċidju.

Kien is-Sibt, 8 ta’ Novembru, għall-ħabta tas-1.30pm meta Joseph Grima u martu kienu mixjin qrib il-heliport u ltaqgħu ma’ qarib ta’ Joseph. Ħin minnhom iż-żewġt irġiel tlewmu f’nofs it-triq meta għadda vann Isuzu abjad u tajjar lil Grima. Minkejja t-tentattivi tat-tobba biex isalvawlu ħajtu, Grima miet ftit tal-ħin wara fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-Pulizija kienu sabu l-vettura, vann Isuzu abjad, li allegatament tajjar lil Grima ħamest ijiem wara l-inċident. Il-pulizija kienu waslu għas-sejba tal-vann minn informazzjoni anonima li vann kien f’rażżett fix-Xewkija stess. Meta l-pulizija marru fil-post indikat sabu l-vann mimli trab li l-istess pulizija jemmnu li t-trab intefa’ apposta biex tingħata l-impressjoni li l-vettura kienet ilha wieqfa għal ħafna żmien. 

Minkejja li dwar dan l-omiċidju kienu interrogati tlett irġiel u mara, il-Pulizija qatt ma kellhom provi konkreti biex iressqu lil xi ħadd il-Qorti. 

B’hekk il-qtil ta’ Joseph Grima għadu wkoll mhux solvut.

Yosef Grech “il-Yoyo” – 12 ta’ Diċembru 2012

Il-Ħadd, 12 ta’ Diċembru 2012, ftit qabel it-3.30am kaċċatur li kien fl-inħawi ta’ Qalet Marku fl-inħawi tat-Torri tal-Għallis limiti tan-Naxxar, sab ma’ wiċċu raġel nofsu mneżża’ mitluq fuq il-ħamrija wiċċu ’l isfel u għadira demm madwar rasu. Huwa mar l-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar biex jinforma lill-Pulizija u wara ħadhom fuq il-post.

Pulizija jiġbor żarbuna ta’ Yosef Grech
Pulizija jiġbor żarbuna ta’ Yosef Grech

Hemmhekk il-Pulizija sabu katavru, li rriżulta li kien ta’ Yosef Grech ta’ 41 sena minn Ħal Balzan, li kien magħruf bħala l-“Yoyo”, li kien qed jistenna li jgħaddi ġuri mixli bil-qtil ta’ Patricia Attard li seħħ fi Frar 2004. Il-katavru ta’ Grech instab bil-qalziet ta’ fuq u ta’ taħt imniżżlin taħt żaqqu u minn qaddu ’l fuq bla ħwejjeġ u flokk li kien imdawwar ma’ rasu. 

Mill-ewwel kien jindika li Grech safa maqtul b’tir ta’ arma tan-nar f’rasu liema balla daħlet min-naħa tal-lemin u ħarġet mix-xellug. Madwar għaxar metri ’l bogħod mill-katavru l-Pulizija kienu sabu par żarbun tal-vittma. Minħabba li fejn instab il-katavru kien hemm għadajjar tal-ilma u tajn u l-fatt li l-kalzetti u saqajh ma nstabux maħmuġin, il-Pulizija waslet għall-konklużjoni li Grech inġarr fuq il-post minn aktar minn persuna waħda. Il-mod kif instabu ħwejġu kienu jindikaw li xi ħadd ġarr lil Grech miċ-ċintorin u ieħor minn taħt idejh. 

Peress li Grech kien bniedem mibni sew u anke minħabba li l-karozza ta’ Grech ma nstabitx fuq il-post, jista’ jindika li f’dan l-omiċidju kien hemm aktar minn persuna waħda involuta. 

L-aħħar li Grech deher ħaj kien it-Tlieta ta’ qabel inqatel meta ħareġ mid-dar għall-ħabta tas-1.30pm fejn kellu jmur għat-tifla ż-żgħira biex jiġborha mill-iskola. Iżda huwa baqa’ ma marx. Martu u qraba oħrajn meta raw li sas-6pm kien għadu ma deherx, ippruvaw jagħmlu kuntatt miegħu fuq il-mowbajl, iżda ma rrispondiex.

L-investigaturi qatt ma eskludew li l-qtil ta’ Grech kellu konnessjoni mas-sensiela ta’ qtil li seħħew fl-istess perjodu u anke wara.

Paul Degabriele “s-Suldat” – 31 ta’ Mejju 2013

Paul Degabriele ta’ 48 sena mill-Fgura, magħruf bħala “s-Suldat”, kważi tmien xhur qabel ma nqatel kien sar attentat fuq ħajtu meta xi ħadd kien poġġielu bomba taħt il-pick-up tiegħu meta kien ipparkjat ħdejn ir-residenza tiegħu fi Triq 14 ta’ Diċembru 1945 fil-Fgura. Il-pakkett bomba kien jinkludi tliet kontenituri tal-ħadid mimlijin splussiv li jintuża fil-piroteknika. B’kollox fil-pakkett kien hemm ftit inqas minn kilo ta’ splussiv u kien hemm għadd ta’ wajers imqabbdin ma’ sett tal-mowbajl.

Degabriele nqatel kiesaħ u biered fid-dawl tax-xemx b’diversi tiri sparati mill-qrib. Il-Pulizija ma eskludewx li l-qtil tas-“Suldat” huwa każ ta’ vendetta u li dan l-omiċidju huwa marbut ma’ omiċidji oħrajn li seħħew is-sena l-oħra. 

Il-mod kif inqatel Degabriele ġiet deksritt bħala “eżekuzzjoni b’mod professjonali” bil-vittma jintlaqat b’madwar ħames tiri - tnejn minnhom f’rasu.

Dan l-omiċidju seħħ nhar il-Ġimgħa, 31 ta’ Mejju 2013. Għall-ħabta tal-11.05am, Degabriele kien f’ħanut tat-te f’Belt il-Ħażna fil-Marsa, flimkien ma’ ċertu Thomas Spagnol miż-Żejtun. Ftit tal-ħin wara huma ħarġu u mxew lejn il-vettura ta’ Degabriele, Toyota pick-up, li kienet ipparkjata fuq in-naħa l-oħra tat-triq. L-istess vettura li taħtha tpoġġiet il-bomba.

L-ewwel ma daħal fil-vettura kien Degabriele u kif kien se jidħol Spagnol deher riesaq raġel lejhom li kien qed jippretendi li kien ħaddiem tal-indafa pubblika u li kellu kaxxa f’idejh li beda jiġbor xi skart mill-art. Kif Spagnol kien se jidħol fil-karozza, il-qattiel resaq lejn fejn kien hemm Degabriele fuq is-seat tas-sewwieq, tbaxxa u ħareġ pistola kalibru 0.9mm minn taħt il-kaxxa u spara ħames tiri mill-qrib fid-direzzjoni ta’ Degabriele. Id-demm li ħareġ mill-feriti tar għal fuq il-flokk ta’ Spagnol. 

Huwa mifhum li l-qattiel ħarab minn fuq il-post b’vann, fejn kellu kompliċi jistennih. Minn hemm huma saqu lejn il-Ħamrun għal Triq Dun Frans Camilleri fejn niżlu f’garaxx li jinsab taħt il-livell tat-triq u abbandunaw il-vann hemmhekk, iżda qabel telqu huma taw in-nar lill-vann liema vann kien irrapportat misruq fid-9 ta’ Jannar 2013 mill-Imsida.

Darren Degabriele – 1 ta’ Ġunju 2014

Każ ieħor li għall-investigaturi huwa wieħed diffiċli biex isolvu huwa dak li fih safa vittma Darren Degabriele ta’ 35 sena minn Ħal Għaxaq, li kien sid ir-ristorant ‘Gente di Mare’ f’Marsaxlokk, li nqatel nhar il-Ħadd, 1 ta’ Ġunju 2014 b’bomba taħt il-karozza tiegħu. Hu miet ħamest ijiem wara fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei. 

Kien ftit qabel l-4.00pm meta Degabriele kien qed isuq Mitsubishi Pajero u miegħu kellu s-sieħba tiegħu, Stephanie Tonna ta’ 28 sena minn Birkirkara. Kif kienu fi Triq iż-Żejtun, fid-direzzjoni ta’ Marsaxlokk, seħħet splużjoni. 

Mal-isplużjoni l-Pajero ħa n-nar b’konsegwenza li karozza oħra, Renault Megane misjuqa minn raġel ta’ 32 sena mill-Kalkara li kien qed isuq wara Degabriele, ipprova jevita l-Pajero imma minħabba li skiddja kawża tal-fjuwil li ħareġ mill-Pajero, r-Renault ħabtet ma’ arblu tad-dawl. Fl-istess ħin kienet involuta wkoll karozza oħra.

L-isplużjoni kkawżat ħsarat estensivi fil-Pajero tant li biċċiet tal-pjanċi taru għal diversi metri. Huwa mifhum li l-bomba tpoġġiet mal-qiegħ tal-vettura taħt is-seat tas-sewwieq. Kollox kien jindika li l-kontenitur li fih tpoġġa l-materjal splussiv kien hemm ukoll biċċiet tal-ħadid biex mal-isplużjoni ssir ħsara kbira fejn jolqtu.

Mhux magħruf jekk Degabriele spiċċax barra mill-karozza kawża tal-isplużjoni jew jekk inħariġx minn persuni oħrajn. Huwa sofra minn ħruq estensiv fejn rapporti kienu jgħidu li sofra aktar minn 80% ma’ ġismu kollu. B’xorti tajba Tonna, li hi infermiera, ħelsitha ħafif u b’kuraġġ kbir kienet hi li tat l-ewwel għajnuna medika lis-sieħeb tagħha sakemm fuq il-post waslet ambulanza b’tim mediku. 

L-ewwel ma waslet biex ikunu kkontrollati n-nirien kien trukk tat-tifi tan-nar tal-Korporazzjoni Enemalta li hija stazzjonata fil-power station ta’ Delimara u ftit tal-ħin wara waslu diversi inġenji mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li flimkien ikkontrollaw in-nirien.

Degabriele u Tonna ttieħdu l-Isptar Mater Dei fejn ir-raġel ġie ċċertifikat li kien fil-periklu tal-mewt.

Raġel ieħor, li għandu 39 sena minn Ħal Għargħur ukoll kien jinħtieġ il-kura medika minħabba ġrieħi li sofra mill-isplużjoni tal-bomba.

Membri mill-EOD tal-Forzi Armati elevaw kull traċċa li setgħu isibu biex ikunu analiżati mill-espert tal-Qorti, il-Brigadier Jeffrey Curmi, biex ikun stabbilit x’tip ta’ bomba kienet u kif splodiet.

Anke b’konnessjoni ma’ dan il-qtil il-Pulizija kienu interrogaw numru ta’ persuni, fosthom anke qraba tal-istess vittma.

Jonathan Pace “tat-Tyson Butcher” – 21 ta’ Awwissu 2014

Uffiċċjal tax-Xena tar-Reat jeżamina l-gallarija fejn kien Jonathan Pace meta nqatel
Uffiċċjal tax-Xena tar-Reat jeżamina l-gallarija fejn kien Jonathan Pace meta nqatel

L-omiċidju ta’ Jonathan Pace ta’ 31 sena li kien joqgħod il-Fgura, seħħ nhar il-Ħamis, 21 ta’ Awwissu 2014. 

Kien għall-ħabta tad-9.20pm meta Pace ħareġ fil-gallarija x’aktarx biex jiffriska xi ftit minħabba s-sħana li kienet qed tagħmel. Kif kien fil-gallarija tar-residenza tiegħu fi Triq Mahatma Ghandi fil-Fgura, waqfet vettura SUV quddiem ir-residenza tiegħu u mill-istess vettura kienu sparati bejn 15 u 20 tir b’assault rifle. 

Pace ntlaqat f’sidru, riġlejh u partijiet oħra ta’ ġismu. Huwa ddaħħal l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika tant li miet ftit tal-ħin wara kawża tal-ġrieħi gravi li sofra.

L-Erbgħa, 27 ta’ Awwissu, sitt ijiem wara, il-Pulizija kienu sabu l-vettura li ntużat f’dan l-omiċidju maħruqa qrib ġnien f’Bormla. L-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat eżaminaw bir-reqqa dak li kien fadal mill-SUV. L-investigaturi ma kinux eskludew li din il-vettura kienet l-istess waħda li ntużat fil-qtil fl-omiċidju ta’ Ġużeppi Galea “l-Ġilda” fl-4 ta’ Frar tal-istess sena. Għalkemm din il-vettura kienet irrapportata misruqa minn sidha, il-Pulizija qatt ma rawha fit-triq. Fil-fatt jidher li l-kriminali għamlu użu minnha darbtejn biss, biex wettqu dawn iż-żewġ omiċidji u bejn l-4 ta’ Frar, meta nqatel Galea, u l-21 ta’ Awwissu meta nqatel Pace, din tħalliet moħbija f’xi garaxx imwarrab.

Silvana Muscat – 11 ta’ Marzu 2015 

Għalkemm il-Pulizija huma konvinti li solvew l-omiċidju ta’ Silvana Muscat ta’ 36 sena minn San Pawl il-Baħar li nqatlet nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu 2015, xorta m’għandhomx f’idejhom lis-suspettat li dakinhar stess tal-qtil ħarab minn Malta. 

Muscat inqatlet b’diversi daqqiet ta’ sikkina bil-Pulizija ħarġu talba għall-arrest internazzjonali għal Nour Eddine Ibrahim Hamid ta’ 34 sena ta’ nazzjonalità Libjana. 

Dan kien l-ewwel qtil għal din is-sena li seħħ tard l-Erbgħa filgħaxija u jidher li Hamid baqa’ sejjer dritt l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’karozza BMW u ħarab lejn l-Italja. Il-BMW nstabet kmieni l-għada waranofsinhar fil-parkeġġ tal-ajruport u ġiet elevata mill-Pulizija. 

Minn Malta Hamid mar l-Italja, imma ma baqax hemm fit-tul tant li sar magħruf li dan telaq minn hemm u mar il-Marokk.

Il-katavru ta’ Muscat instab f’għadira demm fuq is-sodda fl-appartament tal-familja li jinsab fl-ewwel sular f’St Peter’s Court fi Triq l-Isponoż. Kienet qariba tagħha li marret tfittixha meta Muscat ma marritx għax-xogħol u lanqas irrispondiet it-telefonati. 

Il-Pulizija sabu l-arma tad-delitt, sikkina, fil-parti tal-komun tal-blokk tal-appartamenti ħdejn il-bieb tal-bejt.

Sylvana Muscat kienet marret toqgħod f’dan l-appartament wara li xi ġimgħat qabel, Hamid kien tressaq il-Qorti fuq vjolenza domestika u theddid fejn l-istess Muscat kienet talbet il-protezzjoni tal-Qorti.

Raymond Caruana – 21 ta’ Marzu 2015

Ix-xena tad-delitt fejn inqatel Raymond Caruana
Ix-xena tad-delitt fejn inqatel Raymond Caruana

L-aħħar omiċidju, li s’issa wkoll għadu mhux solvut, huwa dak ta’ Raymond Caruana ta’ 53 sena minn Ħaż-Żebbuġ li seħħ is-Sibt, 21 ta’ Marzu 2015. Il-qtil ta’ Caruana qed jitniżżel fil-lista ta’ qtil professjonali simili bħal dawk li semmejna qabel - li kien ippjanat u li fih kien intużat arma assault rifle

Kien ftit wara d-9.30pm, il-Pulizija kienu informati li kienet seħħet sparatura fi Triq il-Buskett fl-inħawi ta’ San Blas bejn is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ bil-vittma jkun Raymond Caruana li kien involut fl-allegat tixħim tal-Imħallef Ray Pace sentejn qabel. 

Il-qattiel kien diġà studja sew kemm il-post kif ukoll il-passi ta’ Caruana. Dan stenna fi trejqa wara ħaxix għoli faċċata tad-daħla tar-razzett fejn kien Caruana flimkien ma’ mara li fil-ħin tal-isparatura x’aktarx li kienet ġewwa u li kienet hi li ċemplet lill-Pulizija. Kif Caruana kien ħiereġ bil-Jeep tiegħu, il-qattiel ħareġ minn fejn kien moħbi u spara aktar minn 40 tiri wara xulxin. Minkejja li kien ferut gravi, Caruana rrnexxielu joħroġ mill-vettura, imma kif għamel ftit passi, waqa’ u miet. Caruana ntlaqat minn sitt tiri.

Minkejja li hemm installati kameras tas-sigurtà, il-qattiel kien konxju tagħhom tant li ma nqabad mill-ebda waħda minnhom.

L-għada l-Pulizija sabu karozza Opel maħruqa qrib il-Kappella ta’ Santa Maria fl-inħawi f’Tal-Virtù fir-Rabat. Fil-karozza l-Pulizija sabu arma tat-tip Kalashnikov, liema arma permezz tagħha jistgħu jiġu sparati sa 70 tir wara xulxin ta’ kalibru 7.62mm. 

Mhux eskluż li l-istess arma jew waħda simili ntużat fil-qtil ta’ Ġużeppi Cutajar “il-Lion” fil-Mosta, f’dak ta’ Ġużeppi Galea “il-Ġilda” fil-Marsa u dak ta’ Jonathan Pace ‘tat-Tyson Butcher”. 

Appell

Bħalma għamilna ma’ kull storja ta’ omiċidji mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dawn il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Qrati u Pulizija