Serq ta’ flus u oġġetti tad-deheb

85 serqa minn djar tal-anzjani . . .

Caruana tgħid li jittieħdu miżuri fid-djar tal-Gvern, waqt li fid-djar tal-Gvern mmexxija mill-privat qed isiru l-laqgħat
Caruana tgħid li jittieħdu miżuri fid-djar tal-Gvern, waqt li fid-djar tal-Gvern mmexxija mill-privat qed isiru l-laqgħat

F’perjodu ta’ sentejn il-Pulizija ntalbu jinvestigaw 85 serqa minn fuq anzjani residenti f’diversi djar tal-anzjani bejn l-2013 u din is-sena. 

L-aktar li ġew irrapportati serq kien mid-Dar Madonna tal-Mellieħa fejn ġew irrapportati 41 serqa. Din l-informazzjoni ħarġet fil-Parlament waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalulna li fost is-serq kien hemm flus u oġġetti tad-deheb.

Din il-gazzetta tkellmet mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana li min-naħa tagħha qalet li l-Gvern jibqa’ kommess li jaqta’ l-abbużi minn fuq l-anzjani. “Sa mill-bidu ta’ kemm ilni Segretarju Parlamentari ħdimt biex nintroduċu ligi kontra l-abbuż fuq l-anzjani. Illum din il-liġi qiegħda fis-seħħ u għalhekk kulmin jinqabad jabbuża fuq l-anzjani jeħel piena eħrex minn qatt qabel.” 

Caruana spjegat ukoll li l-anzjani residenti fi djar tal-anzjani jiġu nkoraġġuti biex meta jsibu xi affarijiet neqsin jirrapurtaw immedjatament lill-management tal-home u wara lil pulizija. “Kien hemm istanzi ta’ passi dixxiplinarji kontra min inqabad jisraq. Apparti minn hekk fassalna linji gwida ta’ x’għandhom u x’m’għandhomx jieħdu magħhom l-anzjani meta jmorru joqogħdu ġewwa residenza tal-anzjani u kif oġġetti ta’ valur għandhom jitqiegħdu ġo faċilitajiet ta’ sigurtà li hemm provduti fid-djar. Dan għamilnieh sabiex jinqata’ s-serq mhux mixtieq fuq anzjani li jaf ikollhom affarijiet prezzjużi u għal qalbhom.”

Miżuri biex ikun hemm iktar sigurtà

Is-segretarju parlamentari Justyne Caruana qalet li minn naħa tad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, fid-djar tal-gvern qed jittieħdu il-miżuri kollha biex ikun hemm iktar sigurtà, filwaqt li dawk fid-djar tal-Gvern immexxija mill-privat qed isiru laqghat biex tiżdied il-livell ta’ sigurtà. “Dan qed isir anke in vista tal-fatt li skont l-istatistika jidher li l-ikbar problema qiegħda l-Mellieħa li appuntu hija mmexxija mill-privat.”

Tkellimna wkoll mad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li minn naħa tiegħu qal li s-sitwazzjoni hija ferm inkwetanti.  “Bħala kelliem f’isem l-Oppożizzjoni fuq is-suġġett irrid ngħid li fl-aħħar jiem tkellimt b’mod informali mal-Ministru Michael Farrugia dwar dak li ħareg mill-mistoqsijiet parlamentari.” Cutajar qal li minn naħa tiegħu l-istess Ministru Farrugia ta l-assigurazzjoni tiegħu li kien ser jidħol fil-każijiet hu personali. “L-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern biex  jara x’inhuma n-nuqqasijiet li jistgħu qegħdin iseħħu fir-residenzi tal-anzjani fejn kienu r-rappurtati dawk is-serqiet. Hija ħassra li b’mod ġenerali, l-qasam tal-anzjani f’pajjiżna jinsab għaddej minn mument xejn feliċi fejn in-nuqqas ta’ rispett u dinjità lejn l-istess anzjani qed ikun innutat b’mod regolari.” 

Intant sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lill-ILLUM li minkejja li n-numru ta’ serq huwa kbir, f’ħafna każi l-vittma jispiċċa jinsteraq minn ftit flus jew oġġetti personali. L-istess sorsi qalulna li spiss huma l-qraba tal-vittmi li jirrapportaw peress li l-anzjani ma jindunawx li jkunu nsterqu. Fost l-oġġett li ġew irrapportati li nsterqu minn dawn id-djar kienu flus u oġġetti tad-deheb. “Diffiċli biex tipprova li fil-fatt tkun twettqet serqa. Kien hemm sitwazzjonijiet fejn qraba jkunu taw xi ħaġa lill-anzjani residenti li min-naħa tagħhom jgħadduha lil xi membru ieħor tal-familja u wara li jgħaddi xi żmien jiġi dak il-qarib u ma jarax l-oġġett u jirrapporta li jkun insteraq. Ħafna mill-anzjani jkunu nsew lil min taw l-oġġett u jkollok minn dawn il-każi fejn il-qraba ma jiltaqgħux flimkien,” qalilna wieħed mis-sorsi.

Sorsi oħra qalulna li f’San Vinċenż de Paule kien hemm rapporti ta’ serq li l-Pulizija ma daħlux fihom għax fil-fatt ikunu bejn l-anzjani stess u l-oġġetti jinstabu. Is-sorsi rrakkontawlna żewġ każi fejn f’wieħed minnhom anzjana għamlet diversi rapporti li sfat misruqa u twaħħal f’anzjana oħra u l-oġġetti li tkun allegat li nsterqu dejjem instabu. Każ ieħor kien fejn anzjana mietet u statwa u santa li kellha fuq komodina tagħha naqsu. Jidher li anke f’dan il-każ sar rapport ta’ serqa meta fil-fatt dawn instabu għand anzjana oħra li rraġunat li “la l-oħra mietet, allura ma kellhiex aktar bżonnhom."

More in Qrati u Pulizija