Sparati bejn 17 u 20 tir - il-vittma ntlaqat minn ħames tiri

Qtil ieħor premedidat fil-Marsa fl-2014

Ġużi Galea - il-vittma
Ġużi Galea - il-vittma

Qtil ieħor premeditat u ppjanat stil Mafjuż, ħalla lil Ġużeppi Galea ta’ 58 sena mill-Marsa, magħruf bħala “il-Ġilda”, mejjet fil-vettura tiegħu ftit tal-ħin biss wara li kien għadu kif rikeb u poġġa fuq is-seat tas-sewwieq. Dan l-omiċidju, li wkoll għadu mhux solvut, seħħ kmieni filgħodu ta’ nhar it-Tlieta, 4 ta’ Frar 2014.

Sparati aktar minn 17-il tir

Ġużi, kif kien magħruf minn dawk qrib tiegħu, inqatel wara li ġew sparati xejn inqas minn 17

-il tir, x’aktarx minn assault rifle tal-marka AK. Huwa ntlaqat minn ħames balal fuq in-naħa ta’ wara ta’ ġismu. 

Dakinhar, ftit wara l-5.00am, Galea ħareġ mill-appartament tiegħu fi Triq Xemxija fil-Marsa, li jinsab fil-qasam tad-djar. Dak il-ħin il-familja tiegħu kienu għadhom fis-sodda u x’aktarx li martu biss kienet imqajma.

Skont qraba ta’ Galea, kif ukoll persuni oħrajn li kienu jafu sew lill-vittma, qalu li kienet xi ħaġa normali li Ġużeppi joħroġ kmieni filgħodu. Dawn is-sorsi qalu li huwa kien imur jieħu kafè ma’ xi ħbieb u wara jagħmel xi qadi kemm mill-Marsa stess kif ukoll mill-Ħamrun.

Galea ħareġ mill-blokka ta’ appartamenti, qasam it-triq u daħal fil-karozza Kia Sorrento li kienet ipparkjata bejn żewġ blokki ta’ appartamenti u bil-quddiem tagħha tħares lejn il-bini. Kif daħal fil-vettura u poġġa fis-seat tas-sewwieq, waqfet karozza f’nofs ta’ triq quddiem dik ta’ Galea u minn ġewwa din il-karozza ġew sparati t-tiri. Peress li Galea kellu dahru lejn il-qattiela, ma seta’ qatt jinduna bil-qattiela.

Mhux magħruf kemm kienu ilhom jistennew lil Galea joħroġ jew fejn kienu mistoħbijin bil-karozza sakemm wasal il-ħin opportun biex wettqu d-delitt. Il-Pulizija jemmnu li l-qtil ta’ Galea kien maħsub sew u li l-qattiela setgħu ġew imqabdin minn xi ħadd li faslilhom il-pjan u għalhekk, bħalma seħħew f’omiċidji oħrajn, dawn setgħu kienu barranin.

L-investigaturi waslu għall-konklużjoni li l-qattiel, jew qattiela, ma ħarġux mill-karozza peress li fit-triq ma nstabu l-ebda traċċi ta’ skrataċċ. Il-Pulizija kellhom informazzjoni li l-vettura li ntużat mill-qattiela kienet tal-għamla Toyota Rav 4 kulur il-fidda u li l-persuni li ħadu sehem f’dan il-qtil setgħu kienu minn tal-inqas tnejn.

Il-bullets, kalibru 7.62 mm, laqtu l-ħġieġa ta’ wara tal-Kia li nifdu u laqtu lil Galea fuq wara f’diversi partijiet ta’ ġismu. Uħud mill-bullets spiċċaw fil-karozza stess u oħrajn nifdu l-ħġieġa tal-ġenb. Fuq wara tal-vettura ta’ Galea kien hemm mill-inqas 11-il toqba tal-bullets li nifdu l-vettura barra dawk li laqtu l-windscreen ta’ wara.

Uħud minn dawn il-bullets baqgħu għaddejjin dritt tant li laqtu wkoll karozza oħra tat-tip Daewoo Matiz li kienet ipparkjata quddiem dik tal-vittma. 

Għaldaqstant l-investigaturi kienu daru fl-inħawi u kull fejn kien hemm installata kamera tas-sigurtà, tkellmu mas-sidien u elevaw xi filmati minn dawn il-kameras tas-sigurtà. Jekk dawn il-filmati kinux ta’ għajnuna għall-Pulizija qatt ma ntqal xejn.

Mart il-vittma kienet minn tal-ewwel ħdejn żewġha

Il-ħoss qawwi tat-tiri fil-ħemda tas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, ġibed l-attenzjoni ta’ wħud mir-residenti, fosthom mart il-vittma, Joanne. Iżda sakemm kien hemm min ħareġ jara x’ġara, il-kriminali laħqu ħarbu minn fuq il-post. Kif Joanne ttawlet mit-tieqa mill-ewwel indunat li l-ħoss li semgħet kienu tiri ta’ arma tan-nar u kif rat il-ħġieġ tal-vettura tagħhom imkisser u ma ratx lil Ġużi, ħarġet tiġri.

Kif resqet lejn żewġha ħadet ix-xokk ta’ ħajjitha. Dak il-ħin Ġużeppi kien għadu ħaj, imma kienu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu.

Il-Pulizija tal-RIU waslu fi ftit minuti

Kien għall-ħabta tal-5.10am li l-Pulizija ġew informati li kienet seħħet sparatura fi Triq ix-Xemxija fil-Marsa. Fi ftit minuti waslu fuq il-post il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit, immexxija mill-Ispettur Antoine Cilia u dawk tad-Distrett, immexxijin mill-Ispettur Robert Vella flimkien mas-Surġenti Susanne Mifsud u Christine Bonnici li min-naħa tagħhom informaw lill-ogħla uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.

Minnufih il-Pulizija għalqu l-aċċess għat-traffiku kif ukoll għall-pubbliku biex tkun preservata x-xena tad-delitt. Fuq il-post marru ż-żewġ deputati kummissarji Raymond Zammit u Pierre Calleja, is-supretendent Carmelo Magri tad-distrett kif ukoll l-Ispettur Keith Arnaud mill-Iskwadra tal-Omiċidji u l-ispettur James Grech mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. 

Meta waslu l-Pulizija sabu lil Galea mitluq fuq il-ġenb tiegħu fejn aktar tard ġie ċċertifikat mejjet minn tabib li mar fuq il-post flimkien ma’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

Fl-istess ħin, il-Maġistrat Dr Tonio Micallef Trigona mar fuq il-post tar-reat fejn mexxa l-aċċess u ħatar lit-tabib forensiku Mario Scerri, lill-Perit Valerio Schembri u lill-Brigadier Maurice Calleja bħala esperti tal-Qorti. 

Uffiċjali tax-xena tar-reat jeżaminaw il-katavru ta’ Galea wara li nħareġ mill-vettura tiegħu
Uffiċjali tax-xena tar-reat jeżaminaw il-katavru ta’ Galea wara li nħareġ mill-vettura tiegħu
Uħud mit-toqob mill-bullets sparati li laqtu l-karozza ta’ Galea
Uħud mit-toqob mill-bullets sparati li laqtu l-karozza ta’ Galea

L-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat bdew jelevaw kull traċċa fosthom loqma ta’ sigarett li nstabet fit-triq.

Kienu xeni kommoventi minn uħud mill-qraba ta’ Galea fejn f’mument minnhom mara kellha tiġi miżmuma minn xi qraba oħrajn kif ukoll mill-Pulizija għax riedet akkost ta’ kollox tmur tara lill-vittma fil-vettura. Hija nstemgħet tgħajjat “ħalluni narah għall-aħħar darba għax dak huwa demmi.” 

Qraba oħrajn ukoll dehru mbikkmin b’xokk fuqhom, fosthom tfal żgħar.

Il-katavru ta’ Galea nħareġ mill-karozza fejn saru l-ewwel eżamijiet mit-tabib forensiku Mario Scerri kif ukoll ittieħdu ritratti mill-uffiċjali tax-xena tar-reat. Kif dawn lestew, il-katavru ddaħħal fil-hearse tal-Pulizija u ttieħed lejn il-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei fejn saret l-awtopsja. Minnha sar magħruf li l-vittma kien miet kawża tat-tiri li ġew sparati li minnhom tal-inqas ħamsa laqtuh fil-parti ta’ wara ta’ ġismu. 

Anke l-karozza li nqatel fiha Galea ttieħdet mill-Pulizija għal aktar investigazzjoni mill-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat. 

Għamel rapport li kien mhedded b’ħajtu

Joseph Galea kien magħruf ma’ ħafna fiċ-ċrieki tal-kaxxi tal-logħob u kien allegat li kien ukoll involut fl-użura. Ingħad ukoll li mhux l-ewwel darba li Galea seta’ urta lil xi persuni oħrajn, l-aktar fejn jidħol self ta’ flus. Dwar dan il-Pulizija qalu li dawn kienu biss allegazzjonijiet tant li qatt ma kellhom rapporti li l-vittma kien involut f’xi ċirku ta’ użura.

Nifhmu li l-vittma kien saħansitra għamel rapport mal-Pulizija fuq persuni oħrajn magħrufin fil-qasam tal-kriminalità l-aktar għax ħassu li seta’ kien mhedded. Dan ma kienx niżel tajjeb ma’ xi wħud u b’hekk seta’ għamel diversi għedewwa. 

Minkejja dan nifhmu wkoll li Galea anke rrapporta nies qrib ħafna tiegħu meta sar jaf li kienu daħlu fil-vizzju tad-droga, iżda dan kien jagħmlu biex jipproteġihom milli jkompli għaddejjin b’dan il-vizzju qerriedi.

Ma jemmnux li l-qtil tal-“Imnieħru” u ibnu kellhom x’jaqsmu

Galea kien iz-ziju ta’ George Galea, wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Mario Camilleri ta’ 51 sena, magħruf bħala “l-Imnieħru”, u ibnu Mario Jr. ta’ 21 sena, it-tnejn mis-Swieqi. Il-katavri tal-missier u l-iben kienu nstabu tard filgħaxija l-Ħamis, 18 ta’ Lulju 2013 wara li ġurnata qabel kienu ġew irrapportati nieqsin. Il-katavri tagħhom instabu fuq xulxin f’ħofra u mgħottija bil-ħamrija f’għalqa fil-Qajjenza, limiti ta’ Birżebbuġia. 

Minkejja li fil-qtil ta’ Camilleri u ibnu hemm mixli n-neputi ta’ Ġużi Galea, il-Pulizija ma temminx li hemm xi konnessjoni, iżda sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qaluli li l-investigaturi xorta waħda ma jeskludu xejn.

Dan kien l-ewwel qtil tas-sena li huwa simili ħafna għal dak li seħħ fit-12 ta’ Diċembru, 2012, fil-Mosta meta nqatel Giuseppe Cutajar, magħruf bħala “l-Lion” li kellu 45 sena. Cutajar kien inqatel ukoll b’diversi tiri meta kien fil-karozza tiegħu qed isuq minn Triq it-Trinċetta għal Triq il-Mitħna fil-Mosta. Huwa kien intlaqat minn erba’ tiri, li b’kollox jidher li kienu sparati madwar 13-il tir sparati b’machine gun, x’aktarx tal-tip Kalashnikov, li hija arma Russa.

Fuq wara tal-vettura ta’ Galea kien hemm mill-inqas 11-il toqba tal-bullets li nifdu ‘l vettura barra dawk li laqtu l-windscreen ta’ wara.

Il-qattiel kien spara minn għalqa minn wara siġra tal-bajtar u ħarab min-naħa ta’ wara u qatt ma nstab.

Intant, dwar il-qtil ta’ Ġużi Galea, waqt konferenza dwar ir-reati, l-Pulizija ma kinux ikkonfermaw kemm ġew sparati tiri, qalu biss li qiegħda tiġi investigata l-possibbilità li min wettaq dan id-delitt kien riekeb vettura tat-tip Toyota RAV 4 u li setgħu kienu aktar minn persuna waħda. 

Il-Pulizija kienu kkonfermaw waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, li fil-fedina penali ta’ Galea kien hemm biss li kien ġie arrestat fuq serq. 

Vjaġġi lejn Sqallija

Minn investigazzjonijiet li komplew isiru dwar il-qtil ta’ Galea, ingħad li l-vittma kien spiss imur Palermo, fi Sqallija. Kien allegat ukoll li l-aħħar darba li Galea mar Sqallija kien is-Sibt, 1 ta’ Frar bil-Catamaran Jean de La Valette fil-5.00am lejn Pozzallo.

Rapporti fil-media kienu rrapportaw li ma kienx eskluż li dakinhar Galea kien baqa’ Sqallija minħabba li tilef il-vjaġġ lura lejn Malta dakinhar stess. Dan ġara minħabba l-kundizzjonijiet tal-baħar il-Virtu Ferries kienu għamlu l-vjaġġ minn Pozzallo għal Malta fil-5.00pm minflok fit-8.00pm. Ingħad li peress li Gużi Galea kien mar Palermo, ma leħaqx għamel fil-ħin il-vjaġġ ta’ madwar 340km minn Palermo għal Pozzallo, vjaġġ ta’ madwar tliet sigħat u nofs bil-karozza.

L-għada, il-Ħadd il-kundizzjonijiet tal-baħar komplew jiħżienu tant li ma sarux vjaġġi. B’hekk Galea ġie lura Malta t-Tnejn, ġurnata qabel ma nqatel. 

Min-naħa l-oħra, bintu Sefora Galea, ċaħdet li missierha ġie lura Malta t-Tnejn imma qalet li wasal is-Sibt stess kif kien ippjanat. 

Għamel diversi rapporti fuq terzi persuni

Ġużi Galea kien qal lill-Pulizija li kien qiegħed ikun mhedded b’ħajtu minn xi ħadd. L-istess Galea kien ukoll għamel diversi rapporti fuq persuni oħrajn, li hu kien iqis bħala kompetituri tiegħu. Iżda huwa mifhum li meta l-Pulizija investigaw dawn ir-rapporti qatt ma waslu għal konklużjonijiet konkreti biex jittieħdu passi legali.

Meta l-Pulizija tkellmu mal-ġurnalisti f’konferenza tal-aħbarijiet dakinhar tal-omiċidju tal-“Ġilda”, intqal ukoll li fl-investigazzjonijiet tagħhom, il-Pulizija kienu qegħdin jimxu fuq diversi teżi tant li kull teżi kienet ikkonsidrata fosthom jekk kienx hemm rabta bejn l-omiċidju ta’ Galea u omiċidji oħrajn li seħħew is-sena ta’ qabel, fosthom dak ta’ Mario Camilleri “l-Imnieħru” u ibnu, kif ukoll oħrajn li għadhom mhux solvuti. Fosthom kien hemm dawk ta’ Ġużeppi Cutajar “il-Lion” li nqatel fil-Mosta fit-12 ta’ Diċembru 2012, Yosef Grech “il-Yoyo” li nqatel f’Baħar iċ-Ċagħaq ukoll fit-12 ta’ Diċembru 2012 u dak ta’ Paul Degabriele, “is-Suldat” li nqatel fil-Marsa fil-31 ta’ Mejju 2013.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ omiċidji mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. 

More in Qrati u Pulizija