(Aġġornat) Ħsarat fil-linji tat-telephone f'San Ġiljan

L-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan bla linji tat-telephone. Se jkollhom jistennew sa għada filgħodu. Il-kumpanija tirrispondi.

Ritratt Arkivji
Ritratt Arkivji

Dalgħodu waqt li kien qed isir xogħol fit-triq qrib l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan minn kuntrattur privat, jidher li aċċidentalment intlaqat is-servizz tat-telephone li tipprovdi l-kumpanija GO. Konsegwenza ta’ dan l-Għassa tal-Pulizija, fost oħrajn, spiċċat iżolata u tinsab mingħajr servizz tat-telephone.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil illum li ftit tal-ħin wara ntbgħat it-tekniku tal-Korp tal-Pulizija biex jara jekk il-ħsara kinitx min-naħa tal-għassa. Meta rriżulta li l-ħsara ġrat fuq barra, sar kuntatt mal-kumpanija GO. Qed jingħad li r-risposta li ngħata mill-kumpanija telefonika kienet li ma kienx possibli li jibgħatu lil xi ħadd qabel għada, l-Erbgħa.

Dan se joħloq inkonvenjent kbir mhux biss għall-Pulizija li jaħdmu fl-istess Għassa ta’ San Ġiljan imma anke għall-pubbliku. Ġeneralment meta xi ħadd iċempel il-Control Room tal-Pulizija fuq xi każ li jaqa’ taħt ir-responsabbilitá tal-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, mill-Control Room iċemplu l-Għassa u jgħaddu r-rapport. Illum, u sakemm tittranġa l-ħsara, dan ma jistax isir.

Il-pubbliku jista’ jkun affettwat ukoll direttament fejn fost oħrajn hemm min ma jsibx il-karozza wara li jkun ipparkja ħażin u l-karozza tiġi miġbuda. Biex is-sewwieq jivverifika jista’ jċempel l-Għassa tal-Pulizija biex jara jekk il-karozza tiegħu inġibditx jew ġiets misruqa.

Hemm nies li jżommu n-numru tal-Għassa tal-Pulizija u jekk jinqalalhom xi ħaġa, jċemplu direttament lill-Pulizija, iżda dan ma jistax isir.

Risposta mill-kumpanija GO

F’risposta għal dan l-artiklu, il-kumpanija GO plc qaltilna li t-tim ta’ GO mar dakinhar stess biex jirranġa l-ħsara li kienet inqalat.

Filfatt, is-servizz tat-telefon tal-Għassa tal-Puliżija ta’ San Ġiljan reġa’ ġie għan-normal għal ħabta tal-10.00 p.m. Il-kumpanija kkonfermat li t-tim ta’ GO wasal fuq il-post għall-ħabta tas-7.30pm. Ftit wara kellu jiġi msejjaħ ukoll tim tekniku speċjalizzat fuq il-cables biex tkun tista’ tissolva l-problema, qaltilna l-kelliema għall-kumpanija GO.

Dan ifisser li l-kumpanija GO ħadet azzjoni immedjata wara li dan is-sit ippubblika l-istorja fis-6.33 p.m. Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalulna li kienu għall-ħabta tal-11.00 p.m. li l-kumpanija GO informat lill-Pulizija li l-linji reġgħu lura għan-normal.

More in Qrati u Pulizija