Nieħu gost nara Pulizija fuq ronda milli fl-Għassa – Il-Kummissarju Michael Cassar

Periklu għall-Pulizija waħdu f’għases żgħar

L-aggressjoni fuq Kuntistabbli fl-Għassa tal-Pulizija tal-Marsa matul il-lejl tal-5 ta’ Frar li għadda meta kien waħdu fl-għassa, qajjem il-mistoqsijiet jekk wasalx iż-żmien li l-Għases tal-Pulizija ż-żgħar jingħalqu b’mod speċjali matul il-lejl u jekk il-Pulizija tad-Distrett għandhomx ikunu armati bħall-kollegi tagħhom f’taqsimiet oħrajn.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Michael Cassar, qal lil ILLUM li għalkemm l-Għases tal-Pulizija għad hemm bżonnhom, jippreferi jara aktar Pulizija fit-toroq milli fl-Għases.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ diversi sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija u kif jiġri kważi dejjem sibna diversi opinjonijiet.

Huwa fatt magħruf li ħafna mill-Għases fl-irħula ż-żgħar, speċjalment f’Għawdex, aktar ikunu magħluqin milli miftuħin għax hemm min jgħid li m’hemmx pulizija biżżejjed. Spiss ukoll li fl-għases madwar Malta u Għawdex ikun hemm tliet membri tal-Korp li jkunu xogħol fejn ġeneralment ikun hemm Surġent, Kuntistabbli biex isuq il-karozza tas-servizz u dak imsejjaħ Orderly. Dan tal-aħħar xogħlu huwa li jibqa’ fl-Għassa biex jirrispondi t-telefon u biex jekk xi ħadd ikollu bżonn xi ħaġa allura jsib minn jgħinu.

“Ir-realtà hi li llum kulħadd għandu telefon id-dar u anke mobile. Jekk persuna se tiġi bżonn il-Pulizija matul il-lejl, naċċertak li ħadd mhu se joħroġ mid-dar u jmur l-għassa tar-raħal, imma se jaqbad jew it-telefon jew il-mobile u jċempel għall-assistenza. Lanqas l-għassa ma jċemplu, imma jużaw in-numru tal-Emerġenza l-112”, saħaq magħna uffiċjal tal-Pulizija.

L-għeluq tal-għases iż-żgħar ilha tissemma, iżda jidher li d-deċiżjoni qatt ma ttieħdet mill-amministrazzjoni tal-Korp għaliex dejjem sabu intopp mill-politiċi li jibżgħu li jekk tingħalaq xi għassa se jkun hemm min joħroġ jikkritika l-Gvern tal-ġurnata li  qed inaqqas is-sigurtà.

“Is-sigurtà se tibqa’. Ħa nagħti eżempju. Id-Distrett numru 8, dak ta’ Birkirkara. Għandek l-Għassa prinċipali f’Birkirkara fejn hemm uffiċini ta’ uffiċjali għoljin kif ukoll uffiċċju li fih imorru biex jinqdew għal xi applikazzjonijiet, jinġabru rapport u xogħol ieħor amministrattiv. Peress li din hija Għassa prinċipali, allura se ssib numru ta’ Surġenti u Kuntistabbli.

Fl-istess Distrett hemm l-Għases tan-Naxxar, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ħal Għargħur u qabel kien hemm ukoll dik ta’ Ħal-Lija imma din ingħalqet. Bħalhom hemm f’distretti oħrajn. Dawn l-għases, barra tan-Naxxar, mhumiex armati u ħafna minnhom kulma hemm mejda, siġġu, telefon u ovvja r-ritratt tal-President, arloġġ u kurċifiss. Forsi f’xi waħda minnhom issib kompjuter,” qalilna s-sors.

Meta komplejna nistħarrġu dwar dawn l-għases sibna li ħafna minnhom, f’bosta distretti, xorta waħda qegħdin jinżammu magħluqin minħabba nuqqas ta’ Pulizija. Jekk nibqgħu fuq id-Distrett ta’ Birkirkara nsibu li kuljum hemm ħames Pulizija li huma ordnati fuq ‘fixed points’, jew għassa, mar-residenza tal-President Emeritus Eddie Fenech Adami, mal-Kummissjoni Ingliża, mar-residenza tal-Ambaxxatur Libjan, mal-Ambaxxata Libjana u mal-President Marie Louise Coleiro Preca.

Jekk xi Pulizija jinzerta jkun ma jiflaħx, jinqala Pulizija ieħor li jkun detailed fl-Għassa u jmur fuq il-‘fixed point’. Ġeneralment dan ikun is-sewwieq tas-Surġent biex b’hekk jekk jinqala’ xi każ, is-Surġent jew imur waħdu jew imur miegħu l-Orderly u l-għassa tingħalaq.

Iżjed fl-Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Qrati u Pulizija