Pulizija mgħarrfa li skadielhom il-kuntratt

L-ingaġġ ta’ Pulizija part-time fi żmien Manwel Mallia

Fost il-miżuri li ttieħdu fil-ġimgħat li għaddew mill-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, hemm li diversi membri tal-Korp li ġew re-instated fuq bażi ta’ part-time, kif skadielhom il-kuntratt ġew informati li l-kuntratt mhux se jiġġedded. B’kollox hemm madwar 100 membru fil-Korp tal-Pulizija li reġgħu ddaħħlu fil-Korp fuq bażi part-time.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalulna li dawk li twaqqfu ma kinux qed jistennew din l-aħbar tant li kienet sorpriża għalihom. Huma saru jafu permezz ta’ telefonata mingħand kuntistabbli mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fi ħdan il-Korp tal-Pulizija fejn ċemplitilhom u infurmathom biex ma jirrapportawx aktar għax-xogħol u jirritornaw l-uniformi.

L-istess sorsi qalulna li jidher li l-Pulizija part-time se jkunu qegħdin jitwaqqfu max-xahar li jkunu ffirmaw il-kuntratt u skont l-età tagħhom. Għalkemm is-sorsi qalulna li dawk li qed jitwaqqfu huma kbar fl-età, jirriżulta li hemm min għandu inqas minn 64 sena u xorta waħda twaqqaf, dan meta f’ċerti pajjiżi l-età tal-irtirar hija ta’ 65 sena.

Nifhmu wkoll li kien hemm min huwa iżgħar fl-età u għamel talba biex minn part-time jaqleb għal full-time, iżda t-talba ġiet irrifjutata mingħajr ma ngħataw raġuni għaliex.

“Meta tqis li l-Korp għandu bżonn ta’ aktar membri l-aktar Pulizija b’esperjenza kbira u meta tqis li f’Novembru Malta se tospita l-laqgħa taċ-CHOGM, allura dawn il-Pulizija għandhom jinżammu u mhux inwarrbuhom,” qal wieħed mis-sorsi.

Miżura oħra li hija mmirata biex ikunu ffrankati spejjeż mill-fond tal-Korp tal-Pulizija, hija r-restrizzjoni fuq is-sahra li kienu jaħdmu l-Pulizija. Fost dawk milqutin hemm it-Taqsima tal-ALE, dawk tal-garaxx kif ukoll it-Taqsima tas-Snajja.

Twaqqfu wkoll dawk li jaħdmu bis-sigħat imnaqqsa, fejn l-aktar li japplikaw għalihom huma l-Pulizija nisa ġeneralment minħabba t-trobbija ta’ wliedhom.

Dwar dawn is-sigħat imnaqqsa tqajmet ukoll fil-Parlament meta d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jekk japprovax u jaqbilx mad-deċiżjoni li qed tkun komunikata lil diversi spetturi tal-Korp tal-Pulizija li qed tkun irrifjutata across the board kull talba għal sigħat imnaqqsa. 

Min-naħa tiegħu l-Ministru Carmelo Abela qal li jinsab infurmat li d-deċiżjoni dwar is-sigħat imnaqqsa fil-Korp tal-Pulizija, kif imsemmija fl-interpellanza, ittieħdet minħabba l-ammont konsiderevoli ta’ uffiċjali li jaqgħu taħt dawn il-kundizzjonijiet. Dan qed jikkaġuna problemi fl-amministrazzjoni għat-tqassim tax-xogħol tal-Pulizija, u għaldaqstant dan jitlob li s-sistema tiġi riveduta għal każijiet diġà eżistenti, kull każ jitqies fuq il-merti tiegħu u dan dejjem fil-qafas tal-ħtiġijiet tal-Korp,” temm jgħid il-Ministru Abela.

More in Qrati u Pulizija