Nuqqas ta’ Pulizija f’Għawdex
Tal-Mobile u tat-Traffiku fl-Għases
More in Qrati u Pulizija
Tal-Mobile u tat-Traffiku fl-Għases
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil ILLUM li minkejja li qed isir kull sforz biex Għawdex ikun moqdi aħjar bħala sigurtà minn kif qatt kien qabel, hemm nuqqas ta’ Pulizija biex jintlaħaq dan il-għan. Tant huwa minnu li f’ċertu ħinijiet qegħdin ikunu stazzjonati f’diversi Għases tal-Pulizija kemm il-Pulizija tal-Mobile kif ukoll mit-Taqsima tat-Traffiku.
L-istess sorsi komplew jgħidulna li l-għan wara dan huwa biex iċ-ċittadin Għawdxi kif ukoll dawk li jkunu qed iżuru din il-gżira kemm jekk huma Maltin kif ukoll turisti, jinqdew aħjar u mhux biss iħossu imma jaraw li hemm il-preżenza tal-Pulizija. Il-Korp qed jagħmel minn kollox biex dawk l-għases li s-soltu jkunu magħluqin, issa qegħdin jinfetħu b’mod regolari.
Biex isir dan, iżda, l-Korp qed jirrikorri għall-Pulizija kemm mit-Taqsima tat-Traffiku kif ukoll dawk mill-Iskwadra tal-Mobile għax Pulizija tad-Distrett f’Għawdex m’hemmx biżżejjed biex ikunu ‘detailed’ fl-għases. Min-naħa l-oħra dan qed iħalli riżultati ta’ nuqqas ta’ Pulizija fit-toroq.
“Veru li Għawdex huwa iktar kwiet minn Malta. Dan kemm minħabba d-daqs kif ukoll li ħafna mit-turisti jmorru Għawdex għal ġurnata. Imma xorta waħda hemm bżonn ta’ sigurtà fit-toroq u patrols aktar frekwenti,” qalilna sors qrib il-Korp.
Skont l-istess sorsi f’Għawdex hemm karozza waħda biss tal-Mobile li ġeneralment fiha jkun hemm Surġent u żewġ Kuntistabbli meta dawn iduru mal-gżira. Iżda biex jinżammu ċerti għases miftuħin, mhux l-ewwel darba li fuq patrol ikun hemm Pulizija waħdu jdur bil-karozza tal-mobile. Dan għax filwaqt li wieħed jaf ikun bil-leave jew ma jiflaħx, ieħor ikun assenjat f’xi għassa.
Mhux l-ewwel darba li l-karozza tal-mobile tibqa’ quddiem l-Għassa għax ma jkunx hemm min imur bir-ronda, saħqu s-sorsi tagħna.
Fl-aħħar xhur il-Pulizija tal-Mobile kienu qegħdin ikunu ordnati għal diversi attivitajiet fosthom festi, għal-logħob tal-futbol u postijiet oħrajn. Issa li qed ikunu wkoll ordnati biex ikunu preżenti f’xi għassa, jekk tinqala xi emerġenza, bħal xi serqa jew xi alarm jew każ serju, se jsibuha diffiċli biex jirrispondu u jkollhom jistennew li tasal aktar għajnuna qabel ma jmorru fuq xi każ serju.