Iffirmat ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-NGO Breeds of Origin Conservancy

Permezz ta’ dan il-ftehim, din l-organizzazzjoni qed tintrabat li tipprovdi pariri tekniċi dwar il-konservazzjoni u l-protezzjoni ta’ prodotti agrikoli

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ppresjeda għall-iffirmar ta’ ftehim ta’ koperazzjoni li ġie ffirmat bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u l-Għaqda Mhux Governattiva Breeds of Origin Conservancy.

Permezz ta’ dan il-ftehim, din l-organizzazzjoni qed tintrabat li tipprovdi pariri tekniċi dwar il-konservazzjoni u l-protezzjoni ta’ prodotti agrikoli, id-domanda tas-suq għalihom, u n-natura ta’ kwalunkwe riżorsi meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet filwaqt li twettaq riċerka dwar prodotti lokali.

“Ir-Razzett Esperimentali tal-Gvern, li jaqa’ taħt ir-responsabiltà tad-Direttorat għall-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, ifittex li jappoġġja lill-komunità tal-biedja lokali fil-promozzjoni tal-iżvilupp agrikolu sostenibbli ta’ Għawdex permezz ta’ settur agrikolu robust u kompetittiv li jirrispetta l-istandards ambjentali u ta’ produzzjoni, il-konservazzjoni ta’ razez, speċi, sottospeċi u varjetajiet lokali filwaqt li fl-istess ħin jiżgura livell tajjeb ta’ għajxien għall-komunità agrikola Għawdxija,” qal l-Ministru Camilleri.

B’dan il-ftehim il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar qed jintrabat li jiffaċilita l-aċċess għal kwalunkwe riżorsi meħtieġa u miftiehma bejn il-partijiet u jassisti fl-identifikazzjoni ta’ prodotti agrikoli lokali għandhom il-potenzjal li jintużaw biex jintlaħaq l-iskop ta’ dan il-ftehim.

Iċ-Chairperson tal-għaqda Breeds of Origin Conservancy Noel Buttigieg qal li din l-organizzazzjoni twaqqfet fis-sena 2016 bl-iskop ewlieni li tiffaċilita l-konservazzjoni tal-flora u l-fawna endemiċi, razez indiġeni, speċi u sottospeċi indiġeni, u varjetajiet ikkultivati ta’ siġar u pjanti u tiżgura l-preservazzjoni tagħhom għal skopijiet ekonomiċi, soċjali, edukattivi u kulturali. Huwa temm b’ringrazzjament għal din il-koperazzjoni u stqarr li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma konġunta.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli jagħti sostenn lill-bdiewa u jippromwovi l-iżvilupp agrikolu sostenibbli sabiex dan is-settur jibqa’ wieħed b’saħħtu u kompetittiv.

More in Politika