[Ritratti] 27 kelb fi stat ħażin jinħarġu minn dar f’Ħaż-Żebbuġ

Fost dawn il-klieb, kien hemm żewġ ommijiet li kienu qegħdin jindukraw boton ta’ ġriewi żgħar magħhom

(Ritratti: tvmnews.mt)
(Ritratti: tvmnews.mt)

27 kelb tar-razza Pitbull, fi stat mhux xieraq, inħarġu dalgħodu minn residenza f’Ħaż-Żebbuġ mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali.

Il-klieb, inkluż ġriewi, inħarġu mill-10am minn dar li tinsab fi Triq Għarram.

Mal-ILLUM sors qal li l-klieb kollha kkonfiskati, u qegdin f’idejn id-direttorat għal aktar eżaminazzjoni.

Jikkonferma dan mal-ILLUM, l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali qal li l-uffiċjali tal-Animal Welfare ħadu azzjoni hekk kif irċevew rapport li diversi annimali f’qagħda degradanti maqfula ġewwa residenza.

Uffiċjali fuq il-post sabu numru kbir ta’ klieb tar-razza pitbull miżmumin f’qagħda ħażina ħafna, fosthom marbuta bi ktajjen tal-ħadid, b’nuqqas ta’ iġjene, u mmaltrattati.

Fost dawn il-klieb, kien hemm żewġ ommijiet li kienu qegħdin jindukraw boton ta’ ġriewi żgħar magħhom.

L-operazzjoni damet ftit sigħat, b’uħud minnhom jiġu ttrattati minħabba l-kundizzjoni prekarja li instabu fiha.

Din hija operazzjoni oħra li l-Animal Welfare wettqet sabiex jiġu protetti l-annimali. Dan wara r-riforma li saret riċentament is-sena l-oħra, li tat lil Animal Welfare aktar poteri ta’ infurzar biex ikun jista’ jagħmel operazzjonijiet bħal dawn.

F’ każijiet simili, fejn ikun hemm suspett ta’ maltrattament ta’ annimali, il-pubbliku jista’ jagħmel rapport billi jċempel fuq 1717. Id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jinkoraġġixxi lil dawk il-persuni li jixtiequ jadottaw sabiex iżuru l-Għammieri jew jidħlu fis-sit www.adoptapet.gov.mt.

More in Politika