Fl-Esplora se jittella’ l-avveniment 'Spring into Science'

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, se jkun qiegħed jiftaħ il-bibien tiegħu waqt il-btajjel tal-Għid bl-avveniment 'Spring into Science'

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, se jkun qiegħed jiftaħ il-bibien tiegħu waqt il-btajjel tal-Għid bl-avveniment “Spring into Science”.

Id-dettalji dwar dan l-avveniment tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u l-Kap tal-Esplora Olaf Mc Kay fil-presenza taċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tonio Portughese.

Matul dan l-avveniment, li se jsir mit-2 ta’ April sas-7 ta’ April 2024, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’diversi attivitajiet relatati max-xjenza bit-tema tal-Għid. Dawn jinkludu workshops, u attivitajiet bħal egg hunt madwar l-Esplora.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-importanza li jittellgħu avvenimenti bħal dawn. “Dan l-avveniment mhux biss se joffri esperjenza sabiħa għall-familja kollha iżda se jipprovdi wkoll opportunitajiet edukattivi siewja.

Permezz ta’ attivitajiet bħal dawn qed inkomplu nqarrbu liċ-ċittadini ta’ kull età lejn ix-xjenza u lejn is-suġġetti STEM,” tenna s-segretarju parlamentari.

Il-Kap tal-Esplora Olaf McKay spjega li għal dan l-avveniment se jiġi applikat l-għarfien tax-xjenza biex jittellgħu attivitajiet divertenti għal waqt il-btajjel tal-Għid.

Semma wkoll li l-viżitaturi se jkollhom anke l-opportunità li jipparteċipaw f’attività sabiex isolvu kunċetti abbinati max-xjenza, t-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM).

More in Politika