Muscat f’Pjazza Tritoni għal attività politika organizzata minn Alex Agius Saliba

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat jirritorna għall-ewwel avveniment politiku tiegħu, minn meta huwa rriżenja f’Diċembru tal-2019. Manuel Cuschieri jitlob il-Laburisti jattendu

L-eks Prim Ministru Laburist Joseph Muscat se jkun qed jindirizza avveniment politiku, organizzat mill-MEP Laburist Alex Agius Saliba, nhar is-Sibt.

Jitkellem dwar dan, Manuel Cuschieri, li frekwentament kellu lil Muscat f’intervisti fil-programm tiegħu, spjega li l-avveniment se jkun qed iseħħ fil-Pjazza Tritoni.

Din se tkun l-ewwel darba illi l-eks Prim Ministru se jindirizza l-pubbliku f’aveniment politiku minn meta huwa rriżenja f’Diċembru tal-2019.

Jitkellem fuq il-Facebook, Cuschieri qal li huwa ta’ pjaċir għalih li jaqsam din l-aħbar u talab lin-nies sabiex flimkien jattendu din l-attività.

Minkejja li ma tkellimx fuqha bid-dettall, Cuschieri aċċenna għal fatt li Joseph Muscat għadu qed jiddeċiedi jekk hux se jkun qed joħroġ għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej, meta l-Maltin ikunu qegħdin jagħmlu l-għażla għall-ewroparlamentari.

L-avveniment se jkun fid-9 ta’ Marzu, fil-11-il sena anniversarju mill-elezzjonijiet tal-2013, li raw lil Muscat fl-aqwa tiegħu.

Preżenti ukoll se jkun hemm il-ministri Ian Borg u Silvio Schembri.

Mhux ċar jekk Muscat hux se jkun qed jattendi l-avveniment bil-barka tal-Partit Laburista.

More in Politika