‘Annimali miġbura mit-toroq fl-aħħar sentejn, kien daqs tal-Milidijiet kollha f’daqqa’ – AAA

Jixbgħu minn kelb jew qattus u jarmuh barra –  Numri mogħtija lill-ILLUM juru li fis-snin ta’ wara l-pandemija nġabru 6,357 annimal mit-toroq Maltin 

It-tliet santwarji li tkellmu mal-ILLUM urew biċ-ċar li dawn in-numri kienu rreġistrati meta Malta kienet bdiet titfarfar mill-pandemija. (Grafika: Marianna Calleja)
It-tliet santwarji li tkellmu mal-ILLUM urew biċ-ċar li dawn in-numri kienu rreġistrati meta Malta kienet bdiet titfarfar mill-pandemija. (Grafika: Marianna Calleja)

Wara l-pandemija nġabru mit-toroq Maltin annimali abbandunati daqs il-Milidijiet kollha f’daqqa.  

F’kummenti lill-ILLUM, l-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati (AAA) qalet li mill-mument li tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-pandemija, numru kbir ta’ annimali domestiċi sfaw abbandunati. 

“Ngħidu li ‘kelb mhuwiex biss rigal għall-Milied’, għax l-ikbar ammont ta’ annimali abbandunati huwa wara żmien il-Milied. Imma l-abbandun ta’ wara l-COVID kien jiġbor l-abbandun tal-Milidijiet kollha flimkien,” l-AAA spjegaw. 

Numri li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ta lil din il-gazzetta juru li fl-2022 u fl-2023 inġabru 6,357 annimal mit-toroq Maltin.  

Fl-2022, inġabru 1,885 annimal domestiku fosthom 1,309 qattus li minnhom 539 kienu qtates irġiel.  

Fl-2023, inġabru total ta’ 1,926 annimal domestiku fosthom 1,237 qattus li minnhom 605 kienu qtates irġiel.  

It-tliet santwarji li tkellmu mal-ILLUM urew biċ-ċar li dawn in-numri kienu rreġistrati meta Malta kienet bdiet titfarfar mill-pandemija. 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet ukoll lill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali li f’risposta vaga qal li d-Direttorat jiltaqa’ ma’ numru ta’ każijiet ta’ klieb li huma mikroċippati.  

Il-Ministeru kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija dwar kemm mill-klieb abbandunati kienu ċċippjati. 

Iddur fuq id-Direttorat, l-ILLUM staqsiet x’jiġri mill-annimali miġbura minnhom. 

“Wara trattament għand veterinarji professjonali,” id-Direttorat wieġeb, “l-annimal jiġi riabilitat u wara offrut għall-adozzjoni.” 

Jitkellmu mal-ILLUM dwar is-sitwazzjoni li hemm fis-santwarji tagħhom, l-AAA qalu li f’temp ta’ sena jiġbru 350 annimal li jkun safa’ abbandunat mis-sidien. 

Mistoqsija x’jemmnu li hu l-kaġun ta’ din iż-żieda, l-AAA qalu li hemm diversi fatturi inkluż nuqqas ta’ infurzar min-naħa tal-awtoritajiet. 

Tkompli mal-istess ħsieb, l-MSPCA, qalet li apparti n-nuqqas ta’ infurzar, il-proċess ta’ adozzjoni ta’ annimali mhuwiex wieħed li jsir b’reqqa mixtieqa.  

Dwar dan huma ssuġġerew li s-santwarji jiskedaw sistema ta’ ċekkjaturi li jduru d-djar wara l-addozzjoni. 

“Aħna soċjetà li nfittxu dak li hu konvenjenti u nimxu fuq sens ta’ impuls kbir u sodisfazzjon immedjat li ma jwassalx għal impenn li jeħtieġ ta’ ħin, paċenzja u xogħol – kemm mal-bnedmin u speċjalment mal-annimali,” MSPCA żiedu jgħidu. 

L-AAA wieġbet li waħda mir-raġunijiet għaliex annimal jispiċċa abbandunat hija “il-mentalità tal-pubbliku.”  

L-assoċjazzjoni spjegat li ċerti individwi ma jaħsbuhiex tajjeb qabel jadottaw.  

“Riċentement familja ġabet kelb għax kien qed jigdem. Ma kienx minnu dan. U insistew li mhux qed jabbandunawh fis-santwarju tagħna u li jħobbuh ... il-kelb ma waqafx jibki wara li telqu ... L-injoranza u nuqqas ta’ ħsieb fejn jidħlu l-annimali huma bla limiti ... Telqu u komplew ħajjithom iżda kissru dik ta’ kelb.” 

L-aħħar santwarju li tkellem mal-ILLUM kien l-MSPCA f’Għawdex. Huma qalu li minkejja din il-problema ta’ annimali abbandunati tibqa’ tippersisti, huma rnexxielhom isibu dar ġdida lil bosta annimali f’Għawdex. 

Huma ppuntaw li minħabba li huma l-iżgħar santwarju ta’ annimali f’Malta, ma tantx jaraw numri kbar ta’ annimali domestiċi abbandunati, però dan ma jfissirx li ma jħabbtux wiċċhom ma’ klieb jew qtates mormija fit-triq.  

More in Politika