Jalleggaw li kumpaniji taqbu l-koxox ta' xelter fil-Mosta biex jgħaddu l-wires

B'filmati u ritratti minn xelter ġewwa l-Mosta, żewġ personalitajiet Maltin jispjegaw kif kumpanija tal-komunikazzjoni għamlet ħsara fl-istess xelter biex jgħaddu minnu numru ta' wires • Melita tgħid ma' din il-gazzetta li hija ma kinitx involuta fil-proġett

Matul il-ġimgħa li għaddiet, Conrad Neil Gatt (xellug), flimkien ma sieħbu Matthew Calleja (lemin), kienu diġà żaru x-xelter u saħansittra għamlu filmati barra u ġewwa, juru l-ħsara, li fil-fehma tagħhom, kienet qed issir
Matul il-ġimgħa li għaddiet, Conrad Neil Gatt (xellug), flimkien ma sieħbu Matthew Calleja (lemin), kienu diġà żaru x-xelter u saħansittra għamlu filmati barra u ġewwa, juru l-ħsara, li fil-fehma tagħhom, kienet qed issir

L-artiklu ġie ammendat fis-13:34pm, bil-kummenti tal-kumpanija Melita

Żewġ min-nies, magħrufa aħjar fuq il-midja soċjali minħabba l-vjaġġi tagħhom madwar Malta, qed jalleggaw li diversi kumpaniji qed jgħaddu l-wires minn ġewwa xelter storiku fil-Mosta.

Jitkellem fuq Facebook, Conrad Neil Gatt, issa qed jinsisti li l-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita, saħansittra taqbet il-koxox fil-bokka tax-xelter biex jgħaddu aktar wires.

"Minflok fħaddew il-cables minn post ieħor, jew evitaw ftit il-bokka tax-xelter, taqbu l-ħitan taż-żewġ koxox tax-xelter u għaddewh min-naħa għall-oħra bħal slavaġġ," Gatt spjega flimkien ma' xi ritratti.

Matul il-ġimgħa li għaddiet Gatt, flimkien ma sieħbu Matthew Calleja, kienu diġà żaru x-xelter u saħansittra għamlu filmati barra u ġewwa, juru l-ħsara, li fil-fehma tagħhom, kienet qed issir.

Jikkumenta fuq dawn il-filmati, is-Sindku Mosti Chris Grech insista li dawk il-wires ilhom fix-xelter, u mhux se jitnehhew.

"Ix-xelter mhux se jaffetwa l-proġett, u mhux se jkun hemm l-ebda dewmien," saħaq Grech ma' Gatt.

F'ittri lil ministru għall-Kultura Owen Bonnici, u f'ilmenti lil kumpanija Melita, Gatt argumenta li x-xogħol seta' sar b'aktar ħsieb, b'rispett għal kultura Maltija.

"Aħna tal-umli opinjoni li għandhom jittieħdu passi dixxiplinarji kontra dan l-aġir insensittiv, dawk responsabbli jeħlu multa konsiderevoli," Gatt kompla jgħid.

'Il-kumpanija Melita ma kellha xejn x'taqsam max-xogħlijiet preċedenti'

F’kummenti lill-ILLUM, il-kumpanija Melita kkjarifikat illi l-kumpanija nnifisha ma kinitx involuta fix-xogħol inkwitsjoni.

“Ix-xogħol sar taħt kuntratt ma’ operatur ieħor, madwar tlett snin ilu,” kelliem tal-kumpanija spjega.

Melita spjegat ukoll illi l-kumpanija xtrat wieħed mill-erba’ pajpijiet għal cables ‘fibre optic.’

Melita xtrat il-pajp, wara li “vverifikat l-permessi kollha neċċessarji mill-entitajiet responsabbli, inkluż tal-kultura.”

More in Politika