Inkjesta Sofia: Helga Pizzuto tal-MCCAA u Alexia Vella tal-JobsPlus mistennija jirriżenjaw fil-jiem li ġejjin

Il-kap eżekuttiv ta’ Jobsplus Alexia Vella u s-CEO tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helga Pizzuto huma mistennija jgħaddu l-ittra tar-riżenja tagħhom fil-jiem li ġejjin

Il-kap eżekuttiv ta’ Jobsplus Alexia Vella u s-CEO tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helga Pizzuto huma mistennija jgħaddu l-ittra tar-riżenja tagħhom fil-jiem li ġejjin. 

Dawn ir-riżenji huma parti minn serje ta’ riżenji minn kapitajiet ta’ awtoritajiet fi ħdan il-Gvern, kawża tal-Inkjesta Pubblika tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, li ġiet iċċirkolata mal-pubbliku l-Erbgħa li għadda. 

Iż-żewġ kapijiet, Pizzuto, u Vella, xehdu fl-inkjesta darbtejn kull wieħed, bil-konklużjonijiet isemmu dan fid-dettall. 

Il-kummenti dwar Jobsplus kienu ġenerali, bl-inkjesta tikkonkludi li JobPlus naqqset meta ma kellhiex lista ta’ siti tal-kostruzzjoni attivi fuq il-gżira, u b’hekk ma ċċekjatx iż-żoni b’mod regolari. 

Fil-każ tal-MCCAA, l-inkjesta marret f’aktar dettall meta semmiet li Helga Pizzuto ma kinitix preparata biżżejjed għat-testamonjanza tagħha. 

L-inkjesta spjegat li l-avukat tal-istat saħansittra ġab iktar rimarki informati minn tagħha, inkluż regolamenti tas-settur li fih suppost hija tifhem. 

Uħud mill-entitajiet u l-persuni mċanfra fl-Inkjesta Sofia 

Alexia Vella u Jobsplus 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus Alexia Vella fl-inkjesta pubblika ssemmiet minħabba x-xhieda li hi tat. Filwaqt li l-konklużjonijiet ma semmewx lilha b’isimha, Jobsplus skont l-inkjesta, naqset. 

Jobsplus ma għamlitx ġabra ta’ siti ta’ kostruzzjonijiet attivi madwar il-gżejjer Maltin, u b’hekk ma dawn ma ġewx iċċekjati b’mod regolari. 

Li kieku kienu qed jiġu ċċekjati, Jobsplus kienet tagħraf li Jean Paul Sofia mhux reġistrat bħala impjegat tal-kuntrattur u b’hekk ma kellux postu fil-binja f’Kordin. 

L-inkjesta nnotat ukoll li Jobsplus kellha aktar membri fil-bord tagħha (16) milli kellha uffiċċjali (11). 

Il-gazzetta ILLUM ġiet informata li Alexia Vella mistennija tirreżenja fil-jiem li ġejjin. 

Helga Pizzuto u l-MCCAA 

Il-kap tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helga Pizzuto ssemiet fl-inkjesta mhux biss għax-xhieda tagħha. 

L-inkjesta kkonkludiet li Pizzuto ma kinitx preparata għat-testimonjanza tagħha. 

Tant hu hekk, li l-avukat tal-istat, preżenta aktar rimarki b’saħħithom u informati minn Pizzuto, f’regolamenti ta’ settur li suppost hi espert tiegħu. 

Fix-xhieda tagħha, f’Novembru tal-2023, hija ammetiet li MCCAA kienet għadha ma ħaditx kampjun tal-ġebel użat fis-sit tal-kostruzzjoni f’Kordin. 

Lanqas irranġat il-mod kif tipproċedi f’siti ta’ kostruzzjoni oħra wara l-inċident, u dan ifisser li m’għamlet xejn biex tipprevjedi milli ssir diżgrazzja oħra. 

L-inkjesta kkonkludiet li l-MCCAA kellha tingħata aktar poter u aktar responsabbilità sabiex verament tkun aktar effettiva. 

Il-gazzetta ILLUM ġiet informata li Helga Pizzuto mistennija tirreżenja fil-jiem li ġejjin. 

David Xuereb u l-OHSA 

L-inkjesta ma sejħet għar-riżenja ta’ ħadd, ħlief tal-Kap tal-OHSA David Xuereb. 

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol rat riformi wara l-inċident ta’ Kordin. Iżda rigward ix-xogħol tal-entità qabel, l-inkjesta qalet li l-entità ma tistax tgħalaq għajnejha għal dak li qed jiġri. 

Ikkonkludiet ukoll li Xuereb għandu jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu, minħabba li ma jafx x’inhu jiġri u fix-xhieda tiegħu ma tax informazzjoni fattwali. 

David Xuereb irriżenja l-Erbgħa stess, sigħat wara li l-inkjesta kienet ipubblikata. 

Malta Enterprise 

Waħda mill-iktar entitajiet li ġew ikkritikati kienet il-Malta Enterprise. Fi kliem sempliċi l-inkjesta qalet li l-entità qatt ma kellha tapprova l-proġett f’Kordin. 

L-inkjesta sabet li l-Malta Enterprise aċċettat l-applikazzjoni tal-proġett bla ebda mistoqsijiet, jew skrutinju.  

Kieku għamlet xogħlha l-Malta Enterprise kienet issib li l-proġett ma kienx sostenibbli b’mod finanzjarju, kellu inqas ħaddiema milli kien imwiegħed u b’mod ġenerali ma kien jagħmel ebda sens ekonomiku. 

L-uffiċjali fi ħdan l-entità ma għamlu ebdà eżaminazzjoni tal-binja proposta u lanqas biss kienu jafu kemm kien se jkun hemm sulari fil-binja kompluta. 

Il-mexxej tal-micro-enterprise unit Kevin Camilleri isemma b’ismu fl-inkjesta bħala persuna li “totalment falliet mir-responsabbilità tagħha.” 

L-inkjesta sabet li Camilleri ressaq ‘il quddiem l-applikazzjoni tad-diretturi Kurt Buhagiar u Matthew Schembri minkejja li l-unika esperjenza li kellhom kienet fl-għamar, għall-aħħar ħames xhur qabel l-applikazzjoni. 

Miegħu ssemmew il-kumitat kollu tal-investimenti fi ħdan Malta Enterprise.  

F’dan il-każ, l-inkjesta sabet, li l-ħames membri fi ħdan il-kumitat m’għamlux xogħol sew fejn kellhom jinvestigaw u jkunu aktar trasparenti fil-proġett. 

Kevin Camilleri tkeċċa b’mod immedjat, bl-aħbar tat-tkeċċija toħroġ mill-Ministru Silvio Schembri l-Ħamis filgħaxija. 

Il-membri tal-kumitat kollha kkonfermaw mal-midja r-riżenja tagħhom, flimkien ma’ Victor Carachi, il-President tal-GWU, Paul Abela, il-President tal-Kamra tal-SMEs.  

Frank Farrugia, iċ-chairman tal-Awtorità tax-Xandir, u Dana Farrugia, kienu diġà telqu mill-bord wara li ttieħdet id-deċiżjoni tal-binja f’Kordin. 

INDIS 

L-inkjesta semmiet ukoll lill-INDIS, li skont il-konklużjonijiet kellha tassigura l-kundizzjonijiet tal-post u l-interessi tal-gvern. 

L-inkjesta fakkret li l-infurzar fi ħdan l-entità qiegħed f’idejn żewġ jew tliet min-nies, u li jħarsu l-pajjiż kollu weħidhom hu impossibbli. 

“Is-sorveljenza tant kemm hi fqira, illi kieku ma ġratx it-traġedja, l-INDIS ma kinitx tkun taf bl-abbuż,” kompliet tgħid l-inkjesta. 

La l-INDIS u lanqas Malta Enterprise ma għamlu spezzjonijiet fuq il-post. Kieku wieħed minnhom ta daqqa t’għajn kien jagħraf bl-abbużi, u Jean Paul Sofia ma kienx imut. 

OĦRAJN 

L-awtorità tal-bini u l-kostruzzjoni (BCA) ma għamlet kważi xehn biex temmenda l-proċess tagħha wara it-traġedja. 

L-inkjesta qalet li kellha ftit wisq uffiċjali, u l-penali maħruġa mhux effettivi biżżejjed. 

Bejn Frar u Awwissu tal-2023, uffiċċjali tal-BCA, 17 b’kollox, ħarġu numru ta’ ċitazzjonijiet, b’90% minnhom ikunu b’medja ta’ €506. 

L-inkjesta kkumentat li din somma wisq baxxa. 

L-inkjesta kienet ukoll iddiżappuntata bis-CEO tal-awtorità tal-ippjanar Oliver Magro, li skont l-inkjesta wkoll ma għamel xejn fl-infurzar tas-sit f’Kordin, qabel ma din ir-responsabbilità mxiet għand l-BCA. 

More in Politika