Aktar stress, aktar klieb, aktar iċċippjar? Iktar minn 11,000 kelb iċċippjat fl-2021

Stress waqt il-pandemija jwassal għal żieda fl-iċċippjar tal-klieb fl-2021. Ara x’inhi l-konnessjoni fl-artiklu

Minkejja li l-istudji fuq is-suġġett huma ftit, esperti qed jissuġġerixxu li kien hawn żieda sostanzjali fl-adozzjonijiet tal-annimali matul is-snin tal-pandemija u dan wassal għal żieda sostanzjali ta’ microchipping fil-klieb matul l-istess żminijiet. 

Mill-ftit studji globali li saru jidher li sforz l-istress li ħassejna matul il-pandemija, bosta kienu li addottaw jew xtraw annimali domestiċi. 

Din iż-żieda wasslet biex f’Malta kien hawn żieda konsiderevoli fl-iċċippjar tal-klieb matul l-2021. 

Iwieġeb il-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM, il-Ministeru għad-Drittijiet tal-Animmali spjega li ma sar l-ebda studju xjentifiku lokali dwar ż-żieda fin-numru ta’ pets waqt il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19.  

Iżda mill-ftit li saru barra, jidher li globalment anki f’pajjizi barra minn Malta, kien hemm tendenza temporali ta’ żieda fir-rata ta’ sidien ġodda ta’ pets domestiċi waqt il-pandemija tal-COVID-19 irrispettivament, jekk hux permezz ta’ adozzjoni jew xiri ta’ dawn il-pets. 

Numri ppreżentati fil-Parlament juru li fl-2021, Malta rat 11,358 kelb jiġu ċċippjati. Dan ifisser żieda sostanzjali ta’ kważi 20% meta mqabbla mad-9,489 li kienu ċċippjati fl-2020. 

Iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tal-MP Nazzjonalista Janice Chetcuti, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li fl-2022, ir-rati ta’ ċċippjar niżel għal 8,848, tnaqqis ta’ 22.08% mis-sena ta’ qabel. 

Skont l-istess statistika, in-numru ta' klieb ċċippjati esperjenza varjazzjonijiet matul l-aħħar għaxar snin.  

Fl-2013, total ta’ 7,976 kelb ġie ċċippjat. Is-sena ta’ wara, kien hemm tnaqqis notevoli, b’5,877 kelb biss microchipped, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 26% mis-sena ta’ qabel. 

Ix-xejra nqalbet fl-2015, bir-rati ta’ ċċippjar juru żieda modesta għal 6,477 kelb. Dan kompla fl-2016 u fl-2017, b’aktar żidiet osservati fiż-żewġ snin. Sal-2017, in-numru ta' klieb microchipped kien laħaq 7,684, li jfisser żieda ta’ 5.36% mis-sena ta’ qabel u jindika għarfien dejjem jikber fost is-sidien tal-annimali domestiċi dwar l-importanza tal-microchipping. 

Is-snin ta’ wara raw tkabbir kontinwu fir-rati tal-microchipping, bl-2018 u l-2019 irreġistraw 8,514 u 8,581 kelb microchipped, rispettivament.  

More in Politika