Il-papabbli għall-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista

Wara li jidher li Roberta Metsola qed timmira li tibqa’ Brussell hemm ġirja kontra l-ħin biex jinstab il-persuna li jista’ jkun idoneu bħala kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista

Fost l-aktar żewġ ismijiet li qed jissemmew hemm Darren Carabott (xellug) u Alex Borg (lemin). (Grafika: Marianna Calleja / ILLUM))
Fost l-aktar żewġ ismijiet li qed jissemmew hemm Darren Carabott (xellug) u Alex Borg (lemin). (Grafika: Marianna Calleja / ILLUM))

Hekk kif baqa’ tliet xhur u nofs għall-elezzjonijiet għall-parlament Ewropew, diriġenti tal-Partit Nazzjonalista qed jargumentaw li hemm bżonn li jinstab kap ġdid flok Bernard Grech, minkejja l-fatt li Grech huwa determinat li jibqa’ kap anke jekk ma jmurx tajjeb fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju. 

U wara li jidher li Roberta Metsola qed timmira li tibqa’ Brussell hemm ġirja kontra l-ħin biex jinstab il-persuna li jista’ jkun idoneu bħala kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista. 

Fost l-iktar żewġ ismijiet li qed isemmu, hemm Alex Borg u Darren Carabott. Hemm oħrajn bħal Mark Anthony Sammut imma s’issa jidher li l-konsensus qiegħed fuq dawn it-tnejn. 

 It-tnejn għandhom il-preġji u n-nuqqasijiet tagħhom: it-tnejn jidhru żgħar wisq, imma t-tnejn għandhom il-potenzjal li jibnu fuq l-istil u l-kariżma tagħhom. It-tnejn jafu jitkellmu u jippreżentaw lilhom infushom. 

Carabott, avukat żgħażugħ, wera li huwa reżiljenti u kapaċi jaffronta l-isfidi fil-Public Accounts Committee u anke jisfida l-Eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat. Serju u dirett, Carabott jitqies bħala dixxiplu ta’ Claudio Grech u jirrappreżenta rarità fil-faqar politiku tal-PN. 

Alex Borg, avukat żgħir ukoll, dixxiplu tal-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-Eks Ministru Għawdxija Giovanna Debono. Għawdxi, popolari immens f’Għawdex, persuntu u l-fattizzi jgħinuh, u maħbub minn kulħadd. M’għandux il-profondità politika ta’ Carabott imma jaf jagħmilha man-nies. 

Kien ukoll espliċitu u dirett fil-kritika lejn l-NGO Repubblika u Manuel Delia, u jqishom mażżra m’għonq il-PN. Min-naħa l-oħra hija stramba l-ħbiberija li għandu mal-Eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono u stranament mal-Eks Imħallef Carol Peralta, li kien żvelat bħala mażun u fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Eddie Fenech Adami kien il-mira attentat biex jiġi mkeċċi mill-ġudikatura u mill-Parlament Malti. 

Carabott u Borg, biex ikunu kkunsidrati bħala denji għall-kap, iridu l-għajnuna ta’ terzi persuni li huma rrispettati fil-Partit. Il-mistoqsija hi, min jistgħu jkunu? Għax l-ewwel pass irid ikun li jaffronta lil Grech u jargumenta li hemm sostitut denju u aħjar minnu għall-kap tal-PN. Irid ikun xi ħadd li m’għandu xejn x’jitlef, imma li hu rispettat fil-Partit Nazzjonalista. 

Li huwa ċert hu li bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tista’ ġġib appoġġ ikbar elettoralment għall-PN. Imma Borg u Carabott iridu jaħsbu biex iwarrbu l-politika konservattiva tagħhom biex jirbħu bil-kbir il-vot żgħażugħ u liberali. 

More in Politika