L-inkjesta tal-isptarijiet qed tiġi konkluża - Il-Gvern Laburista jistenna’ uġigħ ta’ ras oħra

L-għeluq ta’ din l-inkjesta għandha potenzjal enormi ġġib magħha numru ta’ riperkussjonijiet serji fil-pajjiż, hekk kif jekk jiġi ordnat li Muscat u l-eks Ministri tiegħu jiġu arrestati u jittellgħu l-Qorti, din se toħloq pressjoni kbira fuq il-Gvern

Il-Maġistrat Gabriella Vella waslet fl-aħħar stadju tal-inkjesta tagħha dwar it-trasferiment ta' tliet sptarijiet tal-Gvern lil Vitals Global Healthcare.

Il-konklużjoni ta’ din l-inkjesta tista’ tfisser li l-Pulizija tinvestiga irjus kbar mill-Gvern ta’ Joseph Muscat, fosthom Edward Scicluna, li llum huwa l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Konrad Mizzi, Chris Cardona, u Muscat innifsu.

L-għeluq ta’ din l-inkjesta għandha potenzjal enormi ġġib magħha numru ta’ riperkussjonijiet serji fil-pajjiż, hekk kif jekk jiġi ordnat li Muscat u l-eks Ministri tiegħu jiġu arrestati u jittellgħu l-Qorti, din se toħloq pressjoni kbira fuq il-Gvern preżenti. Fil-fatt, il-pressjoni diġà bdiet tinħass min-naħa tal-Partit Laburista, hekk kif il-possibilità li Muscat jitressaq il-Qorti toħloq terremoti fi ħdan il-Laburisti. 

Dan kollu jħalli lill-Prim Ministru Robert Abela f’pożizzjoni skomda ħafna. Abela diġà irrifjuta darba wara oħra li jsemmi lil Muscat b’ismu minkejja l-kliem ħorox li l-Qorti tal-Appelli kellha fuq l-aġir tal-Gvern li kien imexxi b’rabta mal-każ ta’ Vitals. B’hekk, jekk Muscat jittella’ l-Qorti, mhux se tibqa’ daqshekk faċli li Abela ma jindirrizax dan kollu, iżda jirriskja li jiksirha minn għadd kbir ta’ Laburisti li għad għandhom lil Muscat f’qalbhom.

Il-Partit Laburista llum il-ġurnata diġà jidher li naqqas ħafna mill-fiduċja tal-elettorat, hekk kif l-aħħar sondaġġi politiċi jixhdu numru kbir ta’ Laburisti li ma jridux jivvutaw. 

Intant, fl-aħħar jiem bosta kienu dawk li kkundannaw lil Abela minħabba li kien qiegħed jilgħab logħba perikoluża. Wara li ġiet ikkonfermata s-sentenza ta’ Vitals, Abela allega li l-Partit Nazzjonalista u s-soċjetà ċivili jintimidaw il-ġudikatura jekk il-Qorti toħroġ b’deċiżjoni li ma jaqblux magħha. 

Hawn huwa għamel referenza għall-president tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina. Ftit tal-jiem wara, l-istess Aquilina qal li qed jibża’ għas-sigurtà tal-familja tiegħu, f’ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija. 

Għalkemm ir-riżultat u d-data ta’ meta se tiġi ppubblikata l-inkjesta għadhom m’humiex ċerti, li hu ċert hu li pajjiżna jista’ jsib ruħu jħares lejn xeni bħal dawk ikkaratterizzati min-nuqqas ta’ stabbilità politika tal-2019, fejn għal darb’oħra, Muscat se jkun fiċ-ċentru tagħhom.

More in Politika