'Aġir abbużiv fil-konfront tal-poplu Malti' - Life Network Foundation Malta

Il-klawsola favur l-abort tmur kontra s-sentiment tal-poplu Malti – hekk saħqet il-Life Network Foundation Malta hi u tesprimi d-diżappunt tagħha lejn il-Membri Parlamentari Ewropej

Il-Life Network Foundation Malta kitbet ir-reazzjoni tagħha dwar ir-riżoluzzjoni li ġiet approvata fil-Parlament Ewropew (PE) fuq ir-'Rule of Law'. Il-Fondazzjoni qasmet b’mod ċar permezz ta’ post fuq Facebook għaliex tinsab iddiżappuntanta dwar ir-rapport li fih idaħħal klawsola favur l-abort. Fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant akkuża lill-membri tal-Partit Nazzjonalista li ppruvaw iħeġġu lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jintroduċu l-abort f’Malta.  

Għal dan, il-Fondazzjoni saħqet li klawsola favur l-abort “tmur kontra s-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi.” Il-Fondazzjoni minn dejjem leħħnet il-vuċi tagħha kull fejn tissemma t-tema tal-abort. Qalet ukoll li kull klawsola li tippromovi l-abort għandha tiġi miċħuda. 

Il-Fondazzjoni kompliet tirreferi għall-vot li ttieħed fis-sessjoni plenarja li seħħet fi Strasburgu u kitbet li hawnhekk jittieħdu żewġ voti; wieħed fuq il-klawsola, u l-vot ieħor fuq it-totalità tar-rapport.  

David Casa u Alex Agius Saliba vvutaw kontra l-klawsola, u Josianne Cutajar flimkien ma’ Alex Agius Saliba vvutaw kontra fit-tieni votazzjoni.  

Il-Fondazzjoni sostniet li f’dan il-każ, Casa, “meta r-rapport jinkludi klawsola bħal din, kellu jieħu pożizzjoni fejn jgħid li minkejja li jaqbel fuq ir-rapport dwar ir-'Rule of Law', minħabba dik il-klawsola kien ser ikollu jivvota kontra u għalhekk kellu jivvota kontra.” 

Il-Fondazzjoni stqarret li hija “prattika inġusta” min-naħa tal-PE li f’riżoluzzjoni relatata ma’ suġġetti importanti, iddaħħal l-abort li ma kien jirrelata bl-ebda mod mas-suġġett diskuss u li “Il-Parlament Ewropew qiegħed jabbuża u jmur lil hinn mill-kompetenza tiegħu”. 

Finalment, il-Fondazzjoni għajtet għal rispett lejn il-pożizzjoni ta’ Malta u fejn hemm ftehim ta’ deroga kif għandha Malta dwar l-abort, “dan huwa aġir abbużiv fil-konfront tal-poplu Malti.” 

F’sessjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, ir-riżoluzzjoni ppreżentata ffukat fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-ġurnalisti, sitt snin wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda l-istess riżoluzzjoni ħeġġet lill-Gvern Malti biex jadotta d-drittijiet tal-abort, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li d-deċiżjoni ssir mill-poplu Malti stess permezz ta’ proċess demokratiku.  

Sant kien ikkritika d-deċiżjoni ta’ Casa rigward din ir-riżoluzzjoni, però Casa kien għamilha ċara fuq post fuq il-midja soċjali tiegħu li hu flimkien ma’ Agius Saliba kienu l-unika tnejn li opponew il-klawsola tal-abort. Huwa saħaq li minn dejjem kien kontra li jidħol l-abort f’Malta u li l-Maltin biss jistgħu jiddeċiedu jekk jidħolx jew le.  

Ir-riżoluzzjoni ġiet approvata b’437 vot, b’14-il vot kontra u 66 astjenew milli jivvutaw.  

Żewġ Membri Parlamentari Ewropej biss mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi vvutaw kontra r-riżoluzzjoni – l-MEPs Laburisti Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar – iżda Cutajar ma vvutatx fuq ir-riżoluzzjoni speċifika tal-abort. Cyrus Engerer ħalla l-plenarja mingħajr ma tefa’ vot. 

Il-vot ta’ Casa u l-kjarifika tiegħu fuq il-midja soċjali tefgħu dawl qawwi fuq kwistjoni sensittiva tad-drittijiet tal-abort u saħansitra tqajmu diskussjonjiet dwar l-irwol u l-pożizzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej fit-tiswir ta’ politika fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  

More in Politika