Imwettqa 81% tal-miżuri tal-Baġit fl-2023

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana u Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana sostnew li l-Gvern ħadem u wettaq 311-il miżura fl-2023 fost investimenti oħrajn

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana ħabbar li twettqu 81% il-miżuri tal-Baġit fl-2023 hekk kif vara l-aħħar pubblikazzjoni mis-sensiela “It-Twettiq tal-Baġit”. Sultana spjega kif dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ juri li b’kollox din is-sena twettqu 311-il miżura. Dan jinkludi miżuri mill-baġit 2023 kif ukoll miżuri oħrajn li fis-sena tagħhom kienu fi stadju ta’ twettiq u li twettqu din is-sena.

Sultana semma numru ta’ investimenti fosthom,  investimenti fil-korpi dixxiplinati, fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u fl-anzjani, rinova ta’ Ċentru tas-Saħħa u investimenti fil-mediċina. 

Sultana sostna li x-xogħol jsir b’riżultat ta’ koordinament qawwi bejn direttorati u dipartimenti, entitajiet u ministeri.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, “Dak li se nħabbru fil-Budget li ġej huwa l-għira ta’ ħafna pajjiżi oħra, uħud minnhom bil-wisq ikbar minna u b’ħafna iktar riżorsi.” Caruana spjega li il-Gvern ta għajnuna li tlaħħaq it-€350 miljun u kompla jaħdem matul is-sena sakemm jitwettqu dawk il-miżuri li “jkompli jixhed l-għaqal li dan il-Gvern qed imexxi u se jkompli jmexxi bih lil dan il-pajjiż”.

Caruana qal li f’temp ta’ erba’ snin id-dinja esperjenzat sfidi kbar bħal fosthom il-pandemija, li ħallew konsegwenzi kbar; imma minkejja dan “l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż kienet, għadha u se tibqa’ b’saħħitha”.

 

More in Politika