Il-Ministru Attard jistieden il-pubbliku biex jagħti l-ħsibijiet tiegħu dwar il-proposti tal-media commission

Waqt il-programm tar-radju, il-Ministru tal-Ġustizzja wieġeb ukoll numru ta’ mistoqsijiet, fosthom anke dwar ir-racket tat-testijiet tal-karozzi 

Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard qal li qed jistenna jisma’ l-ħsibijiet tal-pubbliku rigward id-definizzjoni tal-midja u d-distinzjoni bejn diversi mezzi differenti tal-midja.  

Waqt intervista fuq RTK103 minn Andrew Azzopardi, Attard qal li għaddejjin diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-midja mal-istakeholders tal-midja, kif ukoll l-akkademiċi. 

Dan il-kumitat, immexxi mill-Imħallef Michael Mallia, twaqqaf f’Jannar tal-2022, wara rakkomandazzjonijiet li saru mill-Inkjesta Pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li Mallia kien ippreseda wkoll. 

“Hemm diskussjoni li se ssir dwar il-midja. Taħseb li n-nies hemmhekk huma kuntenti bin-nuqqas ta’ struttura li tiddefinixxi u tiddistingwi stazzjonijiet tal-midja minn oħrajn?” staqsa Attard, filwaqt li kkritika wkoll lil dawk li bil-qawwa kienu kontra l-White Paper mingħajr ma pparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni. 

Filwaqt li afferma li Malta għandha stampa ħielsa u individwi huma liberi li jippubblikaw kull storja, il-Ministru staqsa jekk hemmx rikors xieraq għall-każijiet ta’ malafama.  

Barra minn hekk semma l-proposta biex tiġi protetta l-informazzjoni pprovduta mis-sorsi lill-ġurnalisti u ssuġġerixxa li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-ħsibijiet tal-pubbliku dwar din il-materja. 

Attard tkellem fuq il-leġiżlazzjoni anti-SLAPP, fejn saħaq li l-Gvern Malti “kien minn ta’ quddiem biex joħroġ b’dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti iżda ntqal li għad irid jistenna.” 

Dwar ir-racket tal-liċenzja tas-sewqan, il-Ministru sostna li l-irwol tal-Gvern huwa li jassisti lin-nies fil-konfini tal-liġi.  

Meta mistoqsi dwar l-għajnuna li jistgħu joffru l-politiċi f’każijiet bħal dawn, kif ukoll dwar il-kwistjoni tan-nepotiżmu, Attard stqarr li bħalissa għaddejjin proċeduri legali. 

“Il-Prim Ministru qal li l-proċeduri ilhom għaddejjin sentejn il-Qorti. Qal li wieħed m’għandux juża dan il-każ biex niżviluppaw sitwazzjoni fejn dawk li huma marbuta li joffru servizz lill-pubbliku, ma jistgħux jagħmlu dan. 

Attard għamel referenza wkoll għall-każijiet tal-passat fi żmien il-Partit Nazzjonalista, fosthom ittra elettronika mibgħuta minn Paul Borg Olivier, is-Segretarju Ġenerali tal-PN ta’ dak iż-żmien, lil Jason Micallef tal-Partit Laburista, fejn intalbu d-dettalji tal-klijenti li lmentaw mal-Ministeri.  

Iżda Azzopardi fakkru li l-Partit Nazzjonalista sofra telfa elettorali sinifikanti bħala konsegwenza. 

Andrew Azzopardi appella lill-persuni li jaħdmu fid-Dipartimenti tal-Customer Care u l-Ministeri tal-Gvern biex jirrifjutaw li jimxu ma’ struzzjonijiet bħal dawn, għax fl-aħħar mill-aħħar jaffaċċjaw konsegwenzi negattivi. 

Il-Ministru ġie mistoqsi wkoll dwar każijiet fil-Qorti li jinvolvu żbalji amministrattivi li saru mill-pulizija, bħal fil-każ Matteo Grima, persuna li weġġa’ serjament wara li ttajjar minn sewwieq li ġie lliberat minn kull akkużi. 

“Ninsab inkwetat dwar is-sitwazzjoni. Jiena kontinwament f’kuntatt ma’ diversi vittmi u qraba tagħhom u ninsab irrabjat dwar dawn l-istanzi.” temm jgħid Attard. 

More in Politika