Il-PBS tirrapporta lil Robert Aquilina għand il-Pulizija

Il-Pulizija wissiet lil Robert Aquilina wara li flimkien ma’ Repubblika, għamel protesta fil-binja tal-PBS

Robert Aquilina jindirizza l-midja
Robert Aquilina jindirizza l-midja

Waqt konferenza stampa organizzata minn Repubblika, Robert Aquilina qal li l-Pulizija wissewh wara protesta fil-binja tal-Istazzjon Pubbliku. Skont Aquilina l-Pulizija rrifjutaw li jtuh kopja tar-rapport ta’ PBS fil-konfront tiegħu.

Wara l-interrogazzjoni tiegħu, Aquilina sejjaħ għar-riżenja taċ-Chairperson tal-PBS Mark Sammut hekk kif qal li “l-PBS kien qed jiċċensura lill-grupp, u issa ċ-chairperson huwa wieħed mill-kompliċi fl-aħħar skandlu." Dan b’refenza għall-iskandlu tat-testijiet tal-karozzi.

"Wara dak li żvela t-Times nhar il-Ħadd li għadda, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà messu sejjaħ liċ-Chairperson tal-PBS Mark Sammut għal interrogazzjoni dwar l-irwol tiegħu fl-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan. Minflok Gafà ċempilli fuq rapport li ppreżenta TVM dwar konferenza stampa," Aquilina qal.

Quddiem l-għassa tal-Ħamrun, Aquilina qal li qabel ma jingħata rapport huwa mhux ħa jaċċetta li jiġi interrogat u kompla jgħid li “mhux ħa jaqa’ għal-bullying tal-Kummisarju tal-Pulizija u miċ-Chairperson tal-PBS Mark Sammut.”

Fid-29 ta’ Settembru, Repubblika għamlet protesta kontra l-PBS fejn skonthom il-pubbliku qed jiġi ċċensurat mill-PBS. Waqt il-protesta Robert Aquilina qal li “Repubblika ilha iktar minn sentejn ma tkun mistiedna fuq il-PBS.” Waqt il-protesta uffiċjal tas-sigurtà avviċina lil Aquilina u bil-kelma t-tajba talbu biex joħroġ l’ barra. Iżda Aquilina qallu “hekk it-tmexxija tal-PBS hija skomda b’isimna, tant illi ma tistidiniex, aħna niġu fid-dar tal-Maltin u l-Għawdxin kollha."

More in Politika