Casa jilqa' d-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta kriminali kontra Christian Borg u No Deposit Cars

'Hemm bżonn li l-awtoritajiet jaġixxu aktar malajr sabiex jipproteġu liċ-ċittadin mill-kriminalità. Minflok, qed jipproteġu l-kriminali li huma viċin in-nies fil-poter'

Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa faħħar id-deċiżjoni tal-Qrati Maltin sabiex tinfetaħ inkjesta kriminali kontra Christian Borg u No Deposit Cars Malta Ltd. Din tirregwarda allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u kriminalità organizzata, fost oħrajn. Dan hekk kif numru ta’ klienti tal-kumpanija ressqu applikazzjoni fejn allegaw li ġew iffrodati minnha.

Borg qed jaffaċċja akkużi seperati ta’ ħtif ta’ persuni u frodi.

L-avukat ta’ Casa Jason Azzopardi ukoll daħħal applikazzjoni l-Qorti f’April li għadda, wara li l-awtoritajiet naqqsu milli jinvestaw u jressqu lil Borg, allavorja l-allegazzjonijiet suppost wasslu sabiex it-transazzjonijiet jiġu meqjusa bħala riskju ta’ każijiet ta’ ħasil ta’ flus. Dan hekk kif ġie rrapportat fuq is-sit tal-European People’s Party (EPP).

Lura f’April, Casa qal li, “inħoss li huwa d-dmir morali tiegħi li nieħu dan il-pass. Huwa inaċċettabbli li ċ-ċittadin komuni jgħaddi minn proċessi twal sabiex jimmaniġjaw il-fondi tagħhom, filwaqt li kriminali bi ħbieb f’postijiet għolja jagħmlu farsa mill-liġi u s-soċjetà; jaħslu flushom u jikkaġunaw ħsara irreparabbli lejn ir-reputazzjoni tagħna.”

Dan intqal b’rispett lejn allegazzjonijiet ta’ relazzjoni ta’ prossimità li jgawdi Borg mal-Prim Ministru Robert Abela, fejn ġie rraportat li saru erba’ transazzjonijiet bejn Abela u martu Lydia, u Borg.

Casa żied li, “Iċ-ċittadin m’għandux ikollu jirrikorri għall-Qrati sabiex kriminali jiġu investigati, aktar u aktar meta l-evidenza hi pubblika. M’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-pulizija meta l-Financial Crimes Unit kienet taf bil-fatti għal ammont ta’ xhur. Hemm bżonn li l-awtoritajiet jaġixxu aktar malajr sabiex jipproteġu liċ-ċittadin mill-kriminalità. Minflok, qed jiproteġu l-kriminali li huma viċin in-nies fil-poter.”

More in Politika