Opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea għan-negozji lokali

'In-negozji żgħar u medji għandhom iċ-ċans li jgawdu minn appoġġ finanzjarju għat-taħriġ tal-ħaddiema, titjieb fit-tekonoloġija u jespandu internazzjonalment' 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett indirizza konferenza bit-titlu “Navigating EU Direct Funds – Unlocking Financial Opportunities for Business.” Il-konferenza, organizzata mill-Malta Business Bureau (MBB) u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) taħt il-proġett Enterprise European Network (EEN), indirizzat l-opportunitajiet għall-għajnuniet ta’ fondi li l-Unjoni Ewropea qiegħda toffri lin-negozji żgħar u medji (SMEs) sabiex jirregolarizzaw ruħhom b’mod aktar sostenibbli, diġitali, u reżiljenti.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li minkejja l-isfidi li affaċċja l-pajjiż f’dawn l-aħħar żminijiet, irnexxielna naddattaw, ninnovaw u nikbru grazzi għall-ħidma tal-gvern id f’id mas-settur privat.

“Is-saħħa tal-ekonomija hija ibbażata fuq kemm toħloq xogħolijiet sinifikanti għaċ-ċittadini. Permezz tal-użu ta’ Fondi Ewropej, in-negozji żgħar u medji għandhom iċ-ċans li jgawdu minn appoġġ finanzjarju għat-taħriġ tal-ħaddiema, titjib fit-teknoloġija, u jespandu s-suq mhux biss lokalment iżda wkoll internazzjonalment,” kompla jgħid is-segretarju parlamentari.

Huwa għalaq billi enfasizza li ż-żewġ strumenti li qegħdin jiffurmaw ekonomija b’saħħitha huma d-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà. Saħaq li għalhekk huwa importanti li, bl-għajnuna li qed tingħata mill-gvern u minn fondi Ewropej, in-negozji jaddattaw dawn il-fatturi fil-prattiċi tagħhom sabiex b’hekk jikkontribwixxu għall-istrateġiji ekonomiċi usa’ ta’ dan il-pajjiż.

Il-President tal-MBB Alison Mizzi enfasizzat li għalkemm diversi negozji jkollhom proġetti u ideat tajbin li bihom jistgħu jibbenefikaw minn fondi Ewropej, ħafna drabi jsibuha diffiċli li jsibu lil min jgħinhom jindividwaw il-fond partikolari li għandhom bżonn. “Aħna qegħdin hawn sabiex nagħtu l-pariri meħtieġa lil dawn in-negozji biex jimplimentaw l-ideat tagħhom u nqabbduhom ma’ min hu responsabbli biex jgħinhom,” temmet id-diskors tagħha Mizzi.

Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-MCST Dr Tonio Portughese fejn qal li “L-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà huma l-punti ewlenin li l-Unjoni Ewropea qiegħda tenfasizza fuhom. L-MCST għandha dipartiment speċjalizzat, il-Framework Programme Unit, li huwa l-punt ta’ kuntatt ewlieni fuq il-fond Horizon Europe, b’baġit ta’ €95.5 biljun.” Huwa għalaq billi semma’ l-impenn kontinwu tal-MCST sabiex jagħti s-sapport kollu meħtieġ fir-riċerka u l-innovazzjoni li huma sors ewlieni tat-tkabbir ekonomiku.

In-negozji interessati li jiksbu aktar informazzjoni dwar l-iskemi disponibbli jistgħu jibagħtu email fuq [email protected].

More in Politika