Rebħa għall-kaċċaturi... Il-Qorti ma tilqax it-talba għall-mandat ta' inibizzjoni tal-BirdLife Malta

L-NGO ressqet din it-talba ftit ġimgħat ilu u qalet li l-kaċċa fuq il-gamiem f'Malta tmur kontra d-Direttiva dwar l-Għasafar tal-UE

L-Imħallef Giovanni Grixti jaqtaha favur il-kaċċaturi Maltin hekk kif ma laqax it-talba għall-mandat ta' inibizzjoni li ressqet il-BirdLife Malta biex ma jkunx hemm kaċċa fuq il-gamiem. 

L-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema jiftaħ mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali (jiġifieri aktar tard illum) sat-30 ta' April, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, bi kwota nazzjonali ta' 1,500 gamiema. Kull gamiema li tiġi ikkaċċjata għandha tiġi irraportata immedjatament u kull min joħroġ għall-kaċċa u ma jaqbad xejn għandu jirrapporta l-'hunting effort', kif spjegat fil-Liċenzja Speċjali. 

Aktar kmieni, BirdLife Malta ressqet din it-talba għall-ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni kontra l-Gvern, bil-għan li twaqqfu milli joħroġ l-avviż legali li permezz tiegħu jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem. BirdLife Malta kienet qalet li "l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-gamiem f'Malta tmur kontra d-Direttiva dwar l-Għasafar tal-UE, li titkellem b'mod ċar li l-kaċċa fir-rebbiegħa hija illegali." 

Intant il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri laqa' b'sodisfazzjon d-digriet mogħti mill-Qorti. Camilleri fakkar li m'hu se jiġi ttollerat l-ebda abbuż, "liema abbuż jista' jwassal biex ikun hemm konsegwenzi fuq din il-prattika."

Min-naħa tagħha l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li, "tinsab sodisfatta li għal darb'oħra s-sewwa rrenja." 

Aktar dettalji fil-ħin li ġej. 

More in Politika