'Il-Gvern għamel U-turn. Wegħdna li se jitlob aktar fondi u issa jrid laqgħa ta' konċiljazzjoni inutli' - MUMN

Il-Gvern jinsisti li l-MUMN 'baqgħet tirrifjuta proposti b'saħħithom kapriċjożament' 

L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) saħqet li l-ġimgħa li għaddiet il-Gvern informahom li kien se jressaq il-proposti quddiem il-Kabinett biex jitlob għal fondi addizzjonali. Fil-fatt l-MUMN, fi stqarrija, qalet li minħabba f'hekk kienet lesta li tirtira d-direttivi imposti minnha stess fl-aħħar ġimgħat. Minkejja dan, b'reazzjoni għas-sejħa ta' laqgħa ta' konċiljazzjoni li għamel il-Gvern ilbieraħ, saħqet li sar "u-turn mill-Gvern għax din il-laqgħa ma tistax titlob għal fondi addizzjonali, kif ġejna indikati fl-aħħar laqgħa."

L-MUMN tgħid li din il-laqgħa, "hija laqgħa oħra inutli u l-għan warajha hi li twaqqaf lill-infermiera u l-qwiebel milli jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom biex jaħdmu b'kundizzjonijiet aħjar." 

L-MUMN saħqet li hija attendiet għall-aħħar laqgħa li saret fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa nhar il-Ħamis, 6 ta' April. L-MUMN qalet li l-Gvern ippropona li, "iżomm l-infermiera u qwiebel bħala l-inqas imħallsa fost il-professjonisti tas-saħħa f'pajjiżna u wisq aktar madwar id-dinja. Se jħalli l-infermiera jaħdmu 46.6 siegħa fil-ġimgħa, jitnaqqsu l-allowances meta jittieħed is-sick leave u se jibqgħu jiġu mċaħħda mill-allowance tal-Covid u dawk oħra imwegħda matul il-perjodu tal-Covid-19." Fost affarjiet oħra l-MUMN qalet li l-Gvern "baqa jinjora" proposti oħra fosthom l-iskemi tat-taxxa u tal-pensjonijiet, l-inċentivi biex aktar żgħażagħ jidħlu fis-settur mediku bħala infermiera u qwiebel u "mhux qed jindirizza n-nuqqas ta' infermiera, li s-servizz tas-saħħa tant għandu bżonn biex jagħti servizz lill-pazjenti." 

L-unjin qalet li kienet ixxukkjata li l-Gvern talab lill-infermiera u l-qwiebel biex jaħdmu 16-il siegħa addizzjonali mal-40 siegħa fil-ġimgħa biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn xi skemi. "Dan jimplika li l-infermiera u l-qwiebel ikunu obbligati li jaħdmu 56 siegħa fil-ġimgħa biex jibbenefikaw minn ċertu allowances." Apparti minn hekk qal illi dawn is-sigħat mhumiex possibli għal dawk li għandhom it-tfal. 

Għaldaqstant, l-MUMN saħqet illi jekk il-proposti li preżenta il-Gvern nhar il-Ħamis huma dawk finali, mela lesta li tirtira d-direttivi u tlaqqa' l-4,000 membru biex japprova jew ma japprovax il-proposti f'konferenza ġenerali straordinarja. Jekk dawn l-istess proposti ma humiex finali "u l-Ministeru lest li joffri proposti finali aħjar," qed tistenna li dawn jintbagħtu u japprovawhom il-ħaddiema permezz tal-konferenza ġenerali. 

Fl-aħħar temmet tgħid li wasal iż-żmien biex jieqfu l-laqgħat u li l-Gvern "juri l-kuluri vera tiegħu billi jikkonferma l-proposti finali." 

'L-MUMN qed tipperikola l-interessi tal-membri tagħha stess' 

"Għall-kuntrarju tal-impressjoni kompletament żbaljata li ppruvat tagħti l-MUMN fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern ressaq diversi proposti u tul in-negozjati dawn il-proposti kienu msaħħa filwaqt li baqgħu isiru b'mod responsabbli u sostenibbli," hekk qal il-Gvern b'reazzjoni għal din l-istqarrija. 

Sostna li l-MUMN baqgħet tirrifjuta li tikkonsidra l-proposti b'saħħithom, "kapriċjożament." Il-Gvern insista li l-MUMN qed tipperikola l-interessi tal-membri tagħha stess u għalhekk jemmen li l-pass li jmiss huwa l-konċiljazzjoni. 

Fi stqarrija tenna li hemm bżonn li jkun hemm il-konċiljazzjoni bejn iż-żewġ parti, "anke fid-dawl ta' azzjonijiet industrijali mhux ġustifikati akkumpanjati minn stqarrijiet li m'għandhomx mis-sewwa u li ma jirriflettux dak offrut madwar il-mejda tan-negozjati min-naħa tal-Gvern." 

Il-Gvern insista wkoll li tkun imwaqqfa t-tilwima industrijali u l-azzjonijiet marbuti magħha bil-għan li l-pazjenti jingħataw il-kura li tistħoqqilhom. Qal li l-Gvern ressaq proposti b'saħħithom u għalhekk ma teżisti lebda bażi legittima għat-tkomplija tal-azzjonijiet. Kien għalhekk li qal illi "din il-ħsara u tbatija lil min jeħtieġ kura mhux se tkun ittollerata u azzjoni industrijali li ma taqax fil-parametri tal-liġi għandha l-konsegwenzi tagħha." 

Temm jgħid li din id-darba l-MUMN għandha tagħżel it-triq tar-responsabbiltà u tattendi għal dan il-proċess li jsir skont mekkaniżmu maqbul bejn il-unjins kollha u li jirriżulta mill-ftehim kollettiv tas-Servizz Pubbliku. "Dan il-proċess għandu jwassal biex jiġi ffirmat il-Ftehim Settorjali l-ġdid li se jagħti lill-infermiera l-aħjar kundizzjonijiet li qatt kellhom."

More in Politika