Jiżdied b'20% il-ġbir tal-iskart organiku fi tliet xhur

Minkejja li għall-bidu kien hemm ammont ta' xettiċiżmu, inkluż minn numru ta' Kunsilli Lokali, jidher illi l-bidla fl-iskeda tal-ġbir tal-iskart qed tħalli r-riżultati. Il-famużi magni tal-BCRS ukoll bdew bl-iskossi... iżda anke hawn sar progress enormi

Minkejja li għall-bidu kien hemm ammont ta' xettiċiżmu, inkluż minn numru ta' Kunsilli Lokali, jidher illi l-bidla fl-iskeda tal-ġbir tal-iskart qed tħalli r-riżultati hekk kif minn Jannar li għadda żdied b'20% l-iskart organiku li qed jinġabar mid-djar. L-iskart organiku issa huwa l-aktar li qed jinġabar bil-borża l-bajda tinġabar tliet darbiet fil-ġimgħa, dik il-griża (plastik) tinġabar darba u l-borża s-sewda li allura huwa l-iskart imħallat tinġabar darbtejn fil-ġimgħa.  

F'sessjoni ta' informazzjoni lill-midja Daniel Tabone - il-Kap tal-Ekonomija Ċirkolari fi ħdan il-WasteServ Malta - ta rendikont tar-riżultati li qed jinkisbu, is-sena l-oħra u minn kemm ilha li saret il-bidla fil-ġbir tal-iskart u hekk kif dan ix-xahar se tidħol leġiżlazzjoni li se tagħmel is-separazzjoni tal-iskart mandatorju.  

B'kollox fl-2022 inġabru 8,000 tunnellata ta' ħġieġ, li kienu ekwivalenti għal 18-il miljun kontenitur. Il-WasteServ ġabret ukoll 120 tunnellata ta' kartun tal-ħalib, ekwivalenti għal erba' miljun kartuna tal-ħalib u 30 miljun kaxxa tal-kartun, għal total ta' 5,000 tunnellata.  

Intant Tabone spjega li minn mindu ddaħħlu l-Gate Fees li jfisser illi jekk trakk industrijali jdaħħal skart mhux separat irid iħallas €40, iżda jekk jissepara tali skart iħallas biss 50 ċenteżmu, żdied sew l-iskart li qed jiġi separat qabel ma jiddaħħal l-Għallis.  

Huwa qal li kien hemm 115% żieda fil-kartun li qed jasal l-Għallis separat mill-industrija, apparti li kien hemm ukoll żieda ta' 85% fl-injam li jasal separat, kif ukoll inġabru 10 tunnellati ta' saqqijiet li kienu separati min skart ieħor. Huwa spjega kif issa madwar 50,000 tunnellata ta' skart goff li kien jinġabar minn skips mhux se jibqa' jidħol fil-miżbla.  

Magni ġodda tal-BCRS... 

Il-famużi magni tal-BCRS li jieħdu fliexken tal-plastik u anke kontenituri tal-ħġieġ kienu bdew bl-iskossi wkoll. Magni ma jaħdmux u ħmieġ u żibel madwarhom. Jidher iżda li anke hawn sar progress u filwaqt li qed isir tindif regolari u ftit li xejn għadek tara ħmieġ madwar il-magni, jidher ukoll li l-poplu qed imur bi ħġaru u jitfa' l-kontenituri fil-magni.  

Fil-fatt il-kumpanija kienet ħabbret li fl-ewwel tliet xhur biss kienu diġà intefgħu 1,000 tunnellata ta' kontenturi f'dawn il-magni.  

Waqt din il-laqgħa mal-membri tal-midja tħabbar illi se jitpoġġew 10 magni ġodda li iżda se jaħdmu differenti għax minflok iddaħħal kontenitur wieħed, wieħed, se jieħdu l-kontenituri kollha f'daqqa. Dawn il-magni huma wkoll ħafna akbar fid-daqs u l-ewwel waħda ta' dan it-tip diġà tpoġġiet f'Ħal Far.  

'Qed nagħmlu rivoluzzjoni' - il-Ministru Miriam Dalli 

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet illi f'dan il-qasam il-Gvern qed jagħmel rivoluzzjoni hekk kif minflok jibqa' jieħu l-art biex ikabbar il-miżbliet issa qed inaqqas l-iskart mis-sors.  

"Bħalissa għadna qed nitfgħu 80% tal-iskart fil-Landfill," irrimarkat Dalli li sostniet illi dan il-persentaġġ irid jonqos bil-kbir u huwa għalhekk li l-Gvern ħa diversi inizzjattivi, fosthom il-Gate Fees u s-separazzjoni mandatorja li diġà semmejna, kif ukoll il-proġett tal-Eco Hive (l-inċineratur).  

Din il-faċilità se tkun qed titratta 40% tal-iskart mhux riċiklabbli sabiex ma jibqax jidħol fil-landfill u ddawwar dan l-iskart f'enerġija fil-forma ta' elettriku u sħana li jkunu ġġenerati. Fil-fatt huwa mifhum li l-Eco-Hive se tkun qed tiġġenera 126GWh annwalment. 

B'kollox se jkunu qed jidħlu 192,000 tunnellata ta' skart kull sena.  

Il-proġett huwa programmat li jkun lest fi tmiem l-2026 u se jiswa' €185 miljun.  

Dalli rrimarkat ukoll kif skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika iktar minn 50% tal-poplu diġà ma għadux juża Single-Use Plastics. Pajjiżna kien waqqaf l-importazzjoni ta' single-use plastics - oġġetti tal-plastik li jintużaw darba bħal frieket, skieken u kontenituri -  li kienu qed iwasslu għal ħafna skart tal-plastik u anke ħmieġ.  

Hija qalet ukoll li bejn l-2021 u l-2022 naqas l-iskart li huwa ġġenerat għal kull persuna annwalment, biċ-ċifra tinżel minn 683 kilo ta' skart għal kull persuna fl-2021 għal 600 kilo fl-2022.  

Intant waqt din il-laqgħa intqal li kollox miexi skont il-miri stabbiliti biex il-Landfill tal-Għallis, bħal Magħtab, eventwalment tagħlaq. Dan minkejja li is-sena l-oħra ġiet approvata estensjoni li fissret illi maġenb il-magħtab feġġet "muntanja" oħra ta' skart. Intqal illi din l-estensjoni kienet kruċjali biex tkun evitata "kriżi." 

Wara li tingħalaq din il-landfill jsir capping u jkun miġbur il-gass.  

More in Politika