Għaqdiet kontra l-abort jakkużaw lill-PBS li ċċensura kummenti tal-President George Vella

Ilment mill-għaqdiet Life Network Foundation, Doctors for Life u I See Life kontra dik li sejħu ċensura tad-diskors ral-President meta semma' l-abort...

Il-Life Network Foundation, Doctors for Life u I See Life, f’isem l-koalizzjoni Inti Tista’ Ssalvani - li qed tmexxi l-kampanja kontra l-introduzzjoni tal-abort - kitbu lill-PBS u lill-Awtorità tax-Xandir hekk kif qed tilmenta fuq dik li sejħet "ċensura" li saret mill-PBS, fis-servizz tal-aħbarijiet li deher fuq TVM nhar is-26 ta’ Jannar 2023, dwar dak li qal il-President tar-Repubblika ta’ Malta fil-kommemorazzjoni tal-Olokawst.

"Il-PBS iddeċieda li jirraporta kull ma qal il-President f’din l-attività,  apparti dak li qal fuq l-abort," sostnew l-għaqdiet fi stqarrija. Huma kkwotaw lill-President Vella jgħid li “miljuni ta’ trabi mhux imwielda qed jinqatlu qabel biss ikollhom il-possibbiltà li jaraw id-dawl tal-jum”. Komplew jisħqu li din "l-istqarrija qawwija" mill-President tar-Repubblika timmerita attenzjoni u qalu illi n-nuqqas ta' rappurtaġġ, speċjalment fid-dawl tad-dibattitu kurrenti, tammonta għal ċensura. 

"Dan mhux l-ewwel każ fejn il-Kamra tal-aħbarijiet tal-PBS għażlet li tkun selettiva u tiċċensura r-rapportaġġ tagħha. Hekk sar ukoll fil-każ tas-Sinjura Prudente fejn il-PBS iċċensura għal kollox dak li qalu t-tobba," komplew jakkużaw lix-xandir nazzjonali dawn l-għaqdiet. Huma qalu illi dan kollu huwa bi ksur tal-provediment ċar tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. 

Għalhekk l-għaqdiet qed isostnu li għandu jerġa' jkun irrapportat id-diskors tal-President mingħajr ċensura. 

Kopja tal-ilment intbagħat lill-Awtorità tax-Xandir skond l-Kodiċi għall-Investigazzjoni u għad-Determinazzjoni ta’ Ilment

More in Politika