Medja ta' 13,000 passiġġier jgħaddi mill-Ajruport kuljum matul Diċembru li għadda

L-Italja kienet l-aktar destinazzjoni popolari għal Diċembru, b’sehem mis-suq ta’ 21.4%, segwita mir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja

F'Diċembru għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta 421,468 moviment tal-passiġġieri, li jfisser irkupru ta’ 88.3% tat-traffiku li kien irrapportat mill-ajruport qabel il-pandemija.

Filwaqt li f’Diċembru l-ajruport ra medja ta’ madwar 13,000 passiġġier kuljum, fl-aktar jiem impenjattivi, jiġifieri t-23, id-29 u t-30 ta’ Diċembru, din iċ-ċifra telgħet għal madwar 17,000.

Seat load factor (SLF) għoli ta’ 81% wera li d-domanda għall-ivvjaġġar baqgħet b’saħħitha ħafna f’Diċembru, partikolarment hekk kif ħafna vjaġġaw sabiex jingħaqdu mal-familji tagħhom għal żmien il-festi u oħrajn gawdew il-vaganzi lil hinn minn xtutna.

L-Italja l-akbar suq... L-akbar tkabbir fost il-Pollakki u l-Franċiżi

L-Italja kienet l-aktar destinazzjoni popolari għal Diċembru, b’sehem mis-suq ta’ 21.4%, segwita mir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja.

Is-suq Pollakk u dak Franċiż it-tnejn esperjenzaw tkabbir notevoli fuq il-livelli ta’ qabel il-pandemija, b’dak tal-ewwel jirreġistra żieda fil-passiġġieri ta’ 26% u dak tal-aħħar jirreġistra tkabbir ta’ 58.7% fuq l-2019. Min-naħa l-oħra, in-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw minn u lejn it-tlitt iswieq l-oħrajn kien aktar baxx mil-livelli li kienu ġew irrappurtati f’Diċembru 2019.

Ir-riżultati milħuqin f’Diċembru li għadda wasslu lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex jagħlaq is-sena 2022 b’5.8 miljun moviment tal-passiġġieri, liema ċifra hija 20% taħt it-traffiku rekord tal-2019. Filwaqt li Awwissu kien l-aktar xahar li matulu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ra passiġġieri (712,122) fis-sena 2022, Diċembru kellu l-ogħla rata ta’ rkupru.

More in Politika