Xokkijiet ekonomiċi sforz gwerra u l-bidla fil-klima. L-akbar żewġ sfidi li rridu niffaċċjaw fl-2023

Il-gwerra fl-Ukrajna baqgħet għaddejja mingħajr waqfien b'impatt fuq il-provvista tal-ikel, l-enerġija u fuq il-but tal-ħaddiema. U l-bidla fil-klima taf twassal għal instabilità soċjali fl-Afrika, bil-konsegwenzi umanitarji kollha li din iġġib. Clint Flores jitkellem mal-ILLUM... 

Kulħadd xeba' issa jisma' aħbarijiet ħżiena ta' kriżijiet, mard, gwerer, imwiet u influwenzi iżda l-ekonomista u l-analista politiku Clint Flores, mal-ILLUM jindika li hemm bżonn nippreparaw għal aktar għax il-kbir jidher li għadu ma għaddhiex, anzi!  

Fil-fatt fil-ħarsa li Flores jagħti, flimkien ma' din il-gazzetta, huwa jipprevedi li l-2023 se tkun "sena iebsa" primarjament mil-lat finanzjarju. Dan għaliex, ikompli jispjega, ħafna pajjiżi ma kellhomx iċ-ċans tajjeb biex jirkupraw mill-Covid-19 f'termini finanzjarji.  

L-ILLUM tinnota li wieħed jista' jieħu eżempju minn pajjiżna stess fejn wara l-miljuni kbar li l-Gvern ħareġ f'inizjattivi - fosthom il-Wage Supplement - is-sena li għaddiet reġa' sab ruħu joħroġ miljuni ġodda f'sussudji marbutin mal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-qmuħ, sforz il-gwerra fl-Ukrajna.  

"Ħafna ekonomiji ma’ kellhomx ċans jirkupraw mill-effetti finanzjajri li ġabet magħha il-pandemija Covid-19. Dan wassal għad-deterjorazzjoni tal-finanzi pubbliċi ta’ ħafna pajjiżi," spjega Flores li kompla jgħid illi l-politika monetarja hija dik li jogħlew l-imgħaxijiet biex titnaqqas l-aspettativa taż-żieda fil-prezzijiet. "Minħabba f’hekk sabiex investitur jissellef, il-kapital sar aktar għoli speċjalment sabiex jinvesti u jikkonsma." 

Huwa qal illi din l-għafsa se tinħass - globalment - kemm minn negozji u anke mill-konsumaturi. Fl-ewwel każ se jkun hemm nuqqas ta' flus fl-idejn u nuqqas ta' likwidità li se jfisser nuqqas ta' investiment u ħolqien ta' impjiegi. Huwa kompla jgħid illi fil-każ tal-konsumatur imbagħad, hekk kif qed jaraw il-flus fil-but jonqsu minħabba l-għoli tal-ħajja, "mhux qegħdin jonfqu u ser ikunu kawti fin-nefqa tagħhom għal dak li jista’ jinqala." 

Huwa jfakkar li l-konsum u l-investiment privat huma fatturi importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku.  

F'dan il-punt Flores ikkwota lill-Kap tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Kristalina Georgieva li qalet li qed jistennew li terz tal-ekonomiji globali jidħlu f’riċessjoni, fil-fatt diġà ssemmew ukoll l-Istati Uniti, l-Ewropa u ċ-Ċina.  

"Jidher għalhekk li is-sena 2023 se tkun waħda diffiċli b’irkupru li jista’ jibda jkun viżibbli fis-sena 2024." 

'Ir-riskji klimatiċi u ambjentali se jkunu l-akbar sfidi' 

Flores kompla jelenka l-isfidi u tkellem dwar sfida oħra li bħalissa qed tagħfas fuq id-dinja, inkluż fuq l-Ewropa u li r-raġunijiet għaliha huma tnejn: Il-gwerra fl-Ukrajna u l-bidla fil-klima. Din l-isfida hija l-problema fis-sigurtà tal-ikel. 

"Jekk nieħdu in-nofsinhar tas-Sudan naraw li hemm kriżi umanitarja għaddejja minħabba li kien hemm nixfa kbira li wasslet għall-nuqqas kbir ta’ ikel. Fl-istess ħin ħafna pajjiżi fl-Afrika kienu effettwati biż-żieda fl-għoli tal-ħajja tal-ikel bażiku speċjalment tal-qmuħ u ż-żjut." Huwa qal illi rapporti internazzjonali qegħdin ibassru li ħafna nies se jbatu il-ġuħ li se jwassal għal tensjoni kbira u aktar kunflitti f’ċertu reġjuni madwar id-dinja. 

"Nemmen li l-komunità internazzjonali, għandha tiffoka fuq il-pajjiżi tal-Afrika sabiex tevita kriżijiet umanitarji speċjalment minħabba l-fatturi tal-klima li qed iwasslu għall-kriżi umanitarja." 

Dwar il-gwerra fl-Ukrajna u l-invażjoni Russa Flores ifakkar li s-sanzjonjiet li kienu imposti fuq ir-Rusjsa mill-Punent u l-Unjoni Ewropea, wasslu għal ritaljazzjoni ta’ nuqqas ta’ forniment ta’ gass lejn l-Ewropa mir-Russja, li  ħadet fit-tul u xekklet l-ekonomija Ewropea. "Dan wassal għall-prezzijiet tad-dawl u l-ilma u tal-fjuwil li splodew u magħhom ħafna mill-affarijiet li nikkunsmaw inkluż prodotti u servizzi. Nemmen li ż-żieda qawwija fil-prezzijiet l-Unjoni Ewropea, se tkun qed taffettwa l-kompetittivita’ tagħha fit-tul, li jinħass wara ftit snin," kompla jipprevedi l-ekonomista u analista ma' din il-gazzetta.  

Huwa spjega li r-riskji tal-klima u tal-ambjent għadhom xi ħaġa ġdida fis-settur bankarju u finanzjarju, u ingħataw prijorità fl-2021 u l-2022. "Il-gwerra fl-Ukrajina bidlet l-ekwilibriju ekonomiku u finanzjarju globali u evidentement ir-riskji ġeopolitiċi qed jingħataw prijorità. Ir-riskji ġeopolitiċi huma pjuttost kumplessi meta mqabbla mar-riskji klimatiċi u ambjentali. Infatti, ir-riskji ġeopolitiċi, flimkien mar-riskji klimatiċi u ambjentali huma l-perikli primarji li nistgħu nkunu qed nittrattaw b’mod dirett ħafna f’dan id-diċenju."  

Xokkijiet li ħadd ma bassar u bidliet fil-konsum 

Flores idur fuq il-banek issa u jfakkar li l-Bank Ċentrali Ewropew ukoll qed ikun kawt dwar ir-riskji tal-gwerra u fil-fatt ifakkar li dan elenka tliet prioritajiet ewlenin, biex jindirizza l-vulnerabbilitajiet li jistgħu jiffaċċjaw il-banek. "L-ogħla prijorità hija relatata mat-tisħiħ tar-reżiljenza għal xokkijiet makrofinanzjarji u ġeopolitiċi immedjati. Ċertament, l-enfasi hija fuq ir-riskju tal-kreditu u n-nuqqas fil-ġestjoni tal-kreditu li jinkludi espożizzjonjiet f'setturi vulnerabbli, kif ukoll ir-riskji tal-finanzjament." 

 "Dak li qed nesperjenzaw bħalissa madwar id-dinja huwa relatat ma’ xokkijiet li ħadd ma bassar meta konna qed nippreparaw biex nirkupraw mill-pandemija tal-covid-19," kompla jgħid l-ekonomista li qal illi l-gwerra se tbiddel kif ngħixu. "Irridu jew le qed niġu mbuttati biex naġġustaw għall-bżonnijiet attwali, speċjalment ix-xejriet tal-konsum tagħna," spjega Flores li ta eżempji: Ir-restrizzjoni fil-konsum "żejjed" u prattiċi aktar sostenibbli.  

Huwa esprima l-fehema li jippreferi jippromwovi l-idea li nistimulaw l-infiq tal-konsumatur u l-investiment privat, "peress li t-tnejn huma komponenti importanti tad-domanda aggregata li jippermettu lil dawk li jfasslu l-politika jiksbu tkabbir ekonomiku pożittiv." 

Huwa reġa' dar fuq il-problema tal-provvista, speċjalment dik tal-enerġija u jisħaq li dan huwa l-mument opportun biex ngħaddu għal prattiċi aktar sostenibbli. "Jekk mhux se naħtfu l-opportunitaà bħalissa kif il-Gvern Malti qed jerfa’ l-piżijiet tal-inflazzjoni, mhux se jkun possibbli li nagħmluha wara."  

"Is-sena li għaddiet mal-ILLUM kont għidt li l-gwerra se ttawwal u mhux se tkun waħda qasira u li se ġġib ukoll magħha ħafna għoli tal-ħajja. Li ġara żgur hu li l-Ukrajina kienet ippreparata aktar militarment sabiex tirreżisti lir-Russja. Infatti bħalissa kemm l-Ukrajina kif ukoll ir-Russja mhumiex lesti li jabbandunaw l-armi." 

L-irwol ta' Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-UN: X'jaħseb Flores? 

Is-sena li għaddiet Malta ħadet is-siġġu mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Uniti, li magħha iġġib ukoll il-Presidenza għal xahar fl-ewwel kwart ta’ dis-sena.  

Flores sostna li l-kuntest li fih tinsab id-dinja, kif ukoll il-ħin ta’ meta jista’ jkun li tiżvolġi l-gwerra fl-Ukrajina se jwasslu għal negozjati ta’ riżoluzzjonijiet pjuttost diffiċli.  

"Il-prijoritajiet ta’ Malta fil-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti huma ukoll is-Sigurtà tal-Klima. Nemmen li għandna naħtfu l-opportunita’ b’mod diplomatiku u niffaċilitaw proċessi li jwasslu għal żieda fl-għajnuna umanitarja." 

Fakkar ukoll kif fl-istess ħin l-Iżvezja ħadet ukoll f’idejha il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn jidher li is-Sigurtà, l-Għaqda, il-kompetittività, tranżizzjonijiet ekoloġiċi u tal-enerġija, valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt se jkunu il-prijoritajiet f’dil-Presidenza sa nofs it-2023.  

More in Politika