It-tielet persuna akkużata bil-qtil li seħħ f'Paceville l-ġimgħa li għaddiet

Il-Pulizija qed tgħid li x’aktarx id-delitt seħħ b’rabta ma’ rivalità bejn gruppi kriminali internazzjonali marbuta mal-prostituzzjoni

Il-vittma tad-delitt, Joseff Rivas
Il-vittma tad-delitt, Joseff Rivas

Ilie Constantin tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Joseff Rivas li seħħ f’Paceville l-ġimgħa li għaddiet. Constantin huwa t-tielet persuna li tressqet akkużata b’rabta ma’ dan id-delitt.

Il-Pulizija qed tgħid li x’aktarx id-delitt seħħ b’rabta ma’ rivalità bejn gruppi kriminali internazzjonali marbuta mal-prostituzzjoni.

Constantin ttella’ l-Qorti akkumpanjat minn oħtu u diversi qraba oħra. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, inkluż dawk ta’ omiċidju u li kien qed iżomm fuqu arma mingħajr liċenzja.

Huwa kien akkużat ukoll li qed jgħix minn fuq il-prostituzzjoni.

L-akkużat qal lill-Qorti li ma għandux indirizz f’Malta u li ma kellux impjieg.

Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest imma talbet li interpretu jkun preżenti għal-laqgħat kollha mal-akkużat fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin.

Rivas, li kellu kemm ċittadinanza Rumena u anke Ingliża, miet fl-isptar wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina.

Hu mifhum li l-vittma kien imfittex mis-Servizzi ta’ Intelliġenza Internazzjonali b’rabta ma’ kriminalità organizzata. Il-Pulizija ta’ Malta kienet qed taħdem mal-Pulizija Ingliża u Rumena f’investigazzjoni dwar grupp ta’ kriminali involuti fil-prostituzzjoni.

Il-ġimgħa li għaddiet, tressqu żewġ persuni oħra akkużati b’dan l-omiċidju.

Filmati tas-CCTV juri kif it-tliet akkużati kienu f’kafetterija f’Paceville meta ressqu lejhom tliet persuni oħra. Wara kommunikazzjoni qasira bejniethom, qamet kommossjoni sħiħa li fiha kien involut il-vittma.

More in Politika