In-numri telgħin, restrizzjonijiet neżlin u l-Ewropej qed jiltaqgħu u jiċċelebraw ... x'inhu jiġri?

In-numru ta' każi ta' Covid-19 telgħin u telgħin madwar l-Ewropa kollha, mhux f'Malta biss. Imma kuntrarjament għas-sena l-oħra u x-xitwa li għaddiet, minkejja dik li qed tidher bħala mewġa oħra, r-restrizzjonijiet saħansitra qed jitneħħew u l-folol, iċ-ċelebrazzjonijiet u l-parties bdew. X'inhu jiġri? 

Wieħed minn żewġ parties li saru bi prova f’Liverpool wara li kull min attenda ntalab test negattiv tal-Covid-19 qabel u anke xi jiem wara. Minn 13,000 persuna, 11 biss irriżultaw pożittiv għall-Covid-19 minkejja li ma kienx hemm distanza soċjali u lanqas ilbies ta’ maskri
Wieħed minn żewġ parties li saru bi prova f’Liverpool wara li kull min attenda ntalab test negattiv tal-Covid-19 qabel u anke xi jiem wara. Minn 13,000 persuna, 11 biss irriżultaw pożittiv għall-Covid-19 minkejja li ma kienx hemm distanza soċjali u lanqas ilbies ta’ maskri

Kontra qalbna erġajna qed niddiskutu l-Covid-19 kemm f'pajjiżna iżda lilhinn minnu wkoll u minkejja li "aħna minn tagħna jinteressana" kwalunkwe ħarsa lejn din il-pandemija bilfors trid issir b'ħarsa lejn il-pajjiżi ta' madwarna.  

Fl-artiklu se naraw mhux biss in-numri, iżda kif ix-xewqa dejjem tikber ta' miljuni ta' ewropej biex jiltaqgħu u jiċċelebraw jew iqattgħu lejl barra f'xi club qed tikkuntrasta mas-sitwazzjoni f'dak il-pajjiż.  

U għalhekk il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn ir-Renju Unit u l-Italja - fejn eluf kbar ta' nies (jekk mhux miljuni) iltaqgħu bħala appoġġ għat-tim tal-futbol tagħhom, lejn is-Serbja fejn sar l-akbar avveniment mużikali fl-Ewropa sa issa, l-Olanda fejn fetħu l-clubs iżda jaf jerġgħu jgħalquhom, lejn Franza li fetħu l-clubs l-ġimgħa l-oħra u Spanja li wkoll kienet naqqset sew mir-restrizzjonijiet.  

Ir-Renju Unit - Kuljum fuq it-30,000 imma xorta inġabru bl-eluf u bil-folol 

Kulħadd f'Malta ra x-xeni ta' eluf fuq eluf ta' nies ħdejn il-Wembley Stadium, il-madwar 60,000 persuna fl-istadium innifsu u mijiet oħrajn fi pjazez madwar Londra, kollha jappoġġjaw lit-tim Ingliż u jkantaw "Its Coming Home!" 

Ftit li xejn rajna nies b'maskri u tista' tgħid li d-distanza soċjali kienet kompletament ineżistenti, f'xenarju kważi surreali, daqslikieku l-Covid-19 ma teżistix.  

Ix-xjentist tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Maria Van Kerkhove qalet illi x-xeni kienu "devastanti" u bassret li ċ-ċelebrazzjonijiet se jwasslu għal trażmissjoni tal-Covid-19. "Suppost qed nieħu pjaċir nara din it-trażmissjoni quddiem għajnejja?" staqsiet fi tweet waqt il-logħba.  

Fil-fatt bejn l-10 ta' Lulju u t-13 ta' Lulju n-numri kienu dejjem jissuperaw it-30,000 każ ġdid kuljum, bl-inqas ikun nhar il-11 ta' Lulju (31,466) u l-aktar nhar it-13 ta Lulju (36,660) meta n-numru ta' mwiet żdied ukoll għal 50.  

Dan xorta huwa ħafna u ħafna inqas mill-imwiet li kienu qed jiġu rreġistrati f'Jannar meta f'jum wieħed biss kienu mietu 1,820 persuna.  

Minkejja dan kollu mil-lum tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha, minkejja ż-żidiet fin-numri.  

Minkejja li l-każi qed jiżdiedu r-Renju Unit, bħal Malta, rreġistra suċċess fil-proċess ta' vaċċinazzjoni, tant li sa nofs din il-ġimgħa 38.4 miljuni - jew 52.2% - tal-poplu kien imlaqqam b'mod sħiħ. 

Sat-2 ta' Lulju skont statistika ppubblikata minn Statista 2021, ir-rata ta' persuni pożittivi għall-Covid-19 kienet ta' 216.6 għal kull 100,000 abitant.  

L-Italja - Ewforija  u ċelebrazzjonijiet... b'numri baxxi, imma mhux wisq ħadu ż-żewġ dożi 

U naturalment jekk kien hemm il-masses fir-Renju Unit, dawk ċelebratorji fl-Italja - speċjalment f'Ruma - ma kienu xejn inqas. Filmati bdew iduru li juru folol enormi ta' eluf kbar ta' nies jiċċelebraw ir-rebħ tal-Euro 2020 madwar il-pajjiż. 

Is-sitwazzjoni tal-każi ġodda fl-Italja mhijiex ħażina daqs ir-Renju Unit imma r-rata ta' vaċċinazzjoni fl-Italja hija ferm u ferm inqas milli hi fir-Renju Unit.  

Fil-fatt bejn l-10 u t-13 ta' Lulju il-każi dejjem qabżu l-1,000 - bl-akbar numru jkun nhar it-13 ta' Lulju (1,534), meta mietu 20 persuna u l-inqas fit-12 ta' Lulju (884).  

Erbgħa mill-20 reġjun Taljan jistgħu jitilfu il-klassifikazzjoni tal-inqas riskju (abjad) u jitpoġġew lura fuq iż-żona 'safra' li hija riskju baxx sa medju.  

Għalkemm mhux ikkonfermat kienu qed jissemmew Sqallija, Campania, Marche u Abbruzzo għal fuq din il-lista s-safra. Fil-fatt n-numri fi Sqallija huma pjuttost baxxi b'174 każ ġdid nhar it-13 ta' Lulju u bin-numri stabbli. Sqallija hija wkoll wieħed mir-reġjuni bl-ogħla rata ta' vaċċinazzjoni fl-Italja - b'4.3 miljun doża mogħtija.  

Skont Statista 2021 sat-2 ta' Lulju r-rata fl-Italja kienet biss ta' seba' persuni pożittivi għal kull 100,000 abitant.  

Minkejja dan kollu iżda, u dan huwa l-qofol ta' kollox, ir-rata ta' vaċċinazzjoni fl-Italja kienet għadha ta' 38.2% li ħadu l-vaċċin b'mod sħiħ (iż-żewġ dożi) sat-13 ta' Lulju.  

Is-Serbja - L-akbar party fl-Ewropa u numri baxxi 

Għal min iħobb il-partying u l-clubbing żgur li segwa l-folol kbar u entużjasti li daqq quddiemhom id-DJ Malti tant popolari J Joy. Probabilment bosta staqsew kif qed isir party bħal dak is-Serbja, b'dawk l-eluf ta' nies, waqt li hawn sas-sagħtejn ta' filgħodu u trid tlebbet id-dar u l-clubs magħluqin? 

Fis-Serbja ġie organizzat party imsemmi Exit, fuq erbat ijiem li għalih attendew xejn inqas minn 180,000 persuna. Kull persuna riedet tkun jew ivvaċinata jew inkella tidħol biss b'test negattiv PCR. Din kienet l-akbar attività mużikali fl-Ewropa minn mindu faqqgħet il-pandemija.  

In-numri fis-Serbja huma baxxi ħafna. Fil-fatt bejn l-10 u t-13 ta' Lulju, l-akbar numru kien nhar it-13 b'145 każ ġdid u l-inqas nhar il-11 ta' Lulju b'69.  

Sat-2 ta' Lulju dan kien jammonta għal 7.9 persuna pożittiva minn kull 100,000 abitant.  

Minkejja dan, ir-rata ta' vaċċinazzjoni f'dan il-pajjiż hija ta' 37.3% li ħadu ż-żewġ dożi - 'il bogħod mill-madwar 75% meħtieġa biex pajjiż jilħaq l-immunità tal-massa u jkollu protezzjoni għall-varjanti.  

L-Olanda - Terġa' tiħmar u l-PM jiskuża ruħu! 

L-Olanda neħħiet ir-restrizzjonijiet fuq il-clubs u l-postijiet tad-divertiment u  dan wassal għal żieda ta' aktar minn 500% fil-każi l-ġodda tal-Covid-19.  

Fil-fatt bejn l-10 u t-13 ta' Lulju il-każi l-ġodda dejjem qabżu is-7,000, bl-akbar numru jkun nhar l-10 ta' Lulju b'10,283 u l-inqas nhar it-13 ta' Lulju b'7,281.  

Minkejja dan, in-numru ta' mwiet dejjem baqa' baxx ħafna, u laħaq l-ogħla livelli bi tliet imwiet.  

Minkejja dan bi kważi 52,000 każ ġdid f'ġimgħa (35,863 bejn l-10 u t-13 ta' Lulju) il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte kien kostrett japoloġizza u jammetti li l-ftuħ f'daqqa ta' ċerti stabbilimenti kien "żball ta' ġudizzju." 

Intant 11-il reġjun fl-Olanda huma klassifikati bħala "ċentri serji ħafna ta' Covid-19".  

DutchNews.nl irrappurtat kif ir-reġjun ta' Amsterdam huwa wieħed mill-agħar li intlaqtu b'646 infezzjoni kull 100,000 abitant. Groningen issa saret reġjun "aħmar skur", kif saru Utrecht, Rotterdam, Kennermland u oħrajn.  

Intant ir-rata ta' vaċċinazzjoni fl-Olanda hija kemmxejn aħjar minn tal-Italja u anke mis-Serbja, iżda xorta 'l bogħod ħafna minn dak meħtieġ biex tintlaħaq l-immunità. Sal-14 ta' Lulju kienu b'kollox 38% tal-Olandiżi li kienu mlaqqmin b'mod komplet.  

Franza - Id-diskoteki jiftħu, imma ħafna miż-żgħażagħ mhux ivvaċinati 

Nhar id-9 ta' Lulju infetħu l-clubs u d-diskoteki fi Franza, minkejja li anke hawnhekk komplew jiżdiedu l-każi wkoll minħabba d-Delta, li mistenni jsir il-varjant ewlieni f'dan il-pajjiż ukoll.  

Minkejja dan ħafna clubs xorta baqgħu magħluqin minħabba r-restrizzjonijiet li bihom infetħu, fosthom li biex jidħlu n-nies iridu jkunu vvaċċinati.  U hawnhekk tibda l-problema hekk kif is-sit France 24 ifakkar li huma biss 21% ta' dawk bejn it-18 u d-29 sena li huma vvaċinati biż-żewġ dożi.  

Mill-10 sat-13 ta' Lulju il-każi varjaw minn 1,260 nhar it-12 ta' Lulju sa 6,950 nhar it-13 ta' Lulju. Dan huwa ħafna inqas minn numri li kienu qed jirreġistraw Franza fl-eqqel tal-pandemija.  

Din il-ġimgħa tħabbar li Franza qed tħares lejn l-użu mandatorju tal-vaċċin, anke għar-ristoranti - inċidentalment fl-istess ħin, li l-UE kienet qed tgħid li dik ta' Malta li ma tħalliex turisti jiġu hawn bla vaċċin kienet "diskriminatorja". 

Fi Franza l-proċess ta' vaċċinazzjoni huwa fl-istess ilmijiet bi ftit aktar minn 36% imlaqqmin sat-13 ta' Lulju. 

Spanja: Żidiet - l-aktar fejn hemm it-turiżmu 

Is-sitwazzjoni f'termini ta' numri mhux qed titjieb wisq b'Katalunja u Valencia - it-tnejn imissu mal-Mediterran u allura jattiraw aktar turisti - jaraw żidiet pjuttost qawwija li wasslu għal restrizzjonijiet ġodda.  Fost dawn hemm il-limitu ta' gruppi soċjali li issa jistgħu jkunu biss sa 10 minn nies.  

Fil-Katalunja l-inċidenza tal-Covid-19 żdiedet għal 725 każ għal kull 100,000 abitant.  

Spanja rreġistrat 43,960 każ nhar is-13 ta' Lulju, iżda l-imwiet baqgħu baxxi meta tikkumpara, bi 13.  

Iż-żieda fil-każi kienet ukoll immarkata f'Mallorca, Menorca, Ibiza u Formentera (il-gżejjer Baleriċi) fejn il-każi reħgħu telgħu għal 304 minn kull 100,000 abitant skont il-Ministeru tas-Saħħa Spanjol. Dawn il-gżejjer ukoll huma popolari ħafna mat-turisti, speċjalment żgħażagħ. 

Minkejja dawn in-numri, il-Gvern Spanjol, laqqam persentaġġ konsiderevoli tal-poplu, total ta' 44.7% imlaqqmin biż-żewġ dożi sat-13 ta' Lulju.  

Xorta dawn huwa ħafna inqas minn Malta, fejn 80% huma imlaqqmin b'żewġ dożi. 

Tuneżija: Maħkuma minn tsunami ta' każi u mwiet 

Mhijiex fl-Ewropa imma hija ħafna eqreb għal Malta minn ħafna pajjiżi oħrajn Ewropej. Il-ġar tagħna, 45 minuta 'l bogħod - it-Tuneżija - fl-aħħar ġimagħtejn kienet sejra fid-direzzjoni opposta tal-Ewropa - b'lockdowns stretti, l-armata u l-pulizija jgħassu t-toroq u sptarijiet mballati b'pazjenti sa ruħ ommhom.  

F'diversi setturi tal-midja internazzjonali kien espress tħassib serju għas-sitwazzjoni f'dan il-pajjiż ġar, li fl-aħħar jiem kien qed jitpoġġa fil-lista l-ħamra ta' diversi pajjiżi inkluż ta' Malta.  

F'sitt ijiem - bejn id-9 u l-14 ta' Lulju -  it-Tuneżija rresġitrat 45,380 każ pożittiv (popolazzjoni ta' 12-il miljun).  

Iżda jekk kien hemm bżonn ta' eżempju ċar illi mhumiex l-każi li huma importanti daqs kemm huwa n-numru ta' nies li jkollhom jiddaħħlu l-isptar u l-imwiet huwa propju dan il-pajjiż, fejn fl-istess sitt ijiem waħedhom mietu xejn inqas minn 984 persuna li kellhom il-Covid-19, b'jumejn differenti jirreġistraw kważi 200 mewt kull wieħed. 

Sal-Ħamis 4,667 persuna kienet fi isptar - li minnhom 655 kienu f'ITU u 158 taħt ventilator.  

Agħar minn hekk ir-rata ta' vaċċinazzjoni hija ferm u ferm baxxa meta kkumparat ma' pajjiżi Ewropej, hekk kif huma biss 5.3% tal-poplu li ħa ż-żewġ dożi. 

More in Politika