'Hemm bżonn serjament ta' restrizzjonijiet fuq min jista' jaqsam bejn il-gżejjer' - Chris Said

Dan hekk kif skont id-Deputat Nazzjonalista Chris Said diversi kienu dawk li llum ħatfu l-okkażjoni tat-temp sabiħ u telgħu Għawdex biex iqattgħu ġurnata mal-familja

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said saħaq li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet tas-saħħa u anke l-Ministru għal Għawdex jikkunsidraw serjament li jagħmlu restrizzjonijiet fuq min jista’ jaqsam minn Għawdex għal Malta u anke viċi-versa.

Said qal dan għax fi kliemu, diversi kienu dawk li llum għażlu li jaqsmu lejn Għawdex biex jgħaddu ġurnata hemm u jgawdu mit-temp sabiħ.

Skont id-Deputat, ħafna minnhom ġew innutati jimxu u jduru f’postijiet f’Għawdex.

“Fi żminijiet normali nagħtuhom merħba mill-qalb u nagħmlu minn kollox biex igawdu bl-aqwa mod is-sbuħija ta’ Għawdex. Iżda dan li għaddejin minnu mhux żmien normali u rridu nagħmlu kull pass neċessarju biex noħorġu minn dan iż-żmien fl-iqsar perjodu possibbli u bl-inqas danni possibbli,” saħaq Said.

Kien għalhekk li talab li wasal il-mument li l-aworitajiet jieħdu l-passi kollha neċessarji. Insista li dawn ir-restrizzjonijiet hemm bżonnhom malajr, aktar u aktar għax aktar ma tidħol ir-rebbiegħa, aktar se jiżdiedu l-ġranet sbieħ.

“Hekk inkunu qed nagħmu pass ieħor biex noħorġu minn dan il-perjodu fl-iqsar żmien possibbli u bl-inqas danni possibbli fuq is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi,” temm jgħid Said.

More in Politika