Filmat | Jonqos il-pickpocketing u r-reati tad-droga u jiżdied is-serq mill-karozzi u l-offiżi sesswali

Fir-rapport annwali dwar il-kriminalità f’Malta, għall-ewwel darba fi 15-il sena, kien irreġistrat tnaqqis fil-kriminalità f'San Ġiljan

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri ppreżenta r-rapport annwali dwar il-kriminalità f’Malta, ippreparat mill-kriminologu Saviour Formosa, u li fih jirriżulta li fl-2019 ir-rata tal-kriminalità fl-aħħar sena naqset bi 2.1%, biex hekk, fuq tliet snin, ir-reati kriminali f’Malta naqsu b’10%.

Camilleri ħabbar dan waqt l-ewwel konferenza li saret permezz ta’ filmat live fuq Facebook bil-għan li akne l-ġurnalisti ma jkollhomx bżonn joħorġu mill-uffiċini u d-djar tagħhom.

Il-Ministru qal li dan it-tnaqqis huwa sostanzjali wkoll meta wieħed iqabblu ma’ dawk f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea hekk kif ir-rata medja hija ta’ 59 każ għal kull 1,000 persuna. F’Malta, ir-rata hija ta’ 31 reat għal kull 1,000 persuna.

“Malta hija wieħed mill-aqwa postijiet siguri fl-Unjoni Ewropea. Dan jirrifletti tajjeb ħafna fuq il-Korp tal-Pulizija,” saħaq il-Ministru.

Skont Camilleri, l-aktar punt interessanti f’dan ir-rapport, huwa li għall-ewwel darba fi ħmistax-il sena, kien hemm tnaqqis fir-reati f’San Ġiljan, lokalità magħrufa għad-divertiment li żied hu mhux naqas.

“Mhux kollox ward u żahar. Hemm ċertu reati li żdiedu bi ftit u reati li żdiedu b’aktar,” saħaq Camilleri waqt li appella lill-Pulizija biex tindirizza dawn ir-reati. 

Liema reati żdiedu u liema reati naqsu?

B’kollox, is-sena li għaddiet, saru 15,589 rapport lill-Korp tal-Pulizija, fejn is-serq, il-ħsarat, il-vjolenza domestika, il-ġrieħi fuq il-persuni u l-frodi kienu jammontaw għal 87.5% tar-reati rrapportati kollha.

Tnaqqis fir-rapporti dwar:

  • Il-pickpocketing - 66.5% 
  • Vjolenza domestika -  b’1%
  • Frodi - 20%
  • Użu tal-kompjuter – 17%
  • Droga - 54%
  • Theddid fil-pubbliku – 8%
  • Vjolenza kontra uffiċjali pubbliċi – 15%

Żieda fir-reati dwar:

  • Serq mill-karozzi – 66%
  • Serq mir-residenzi – 4%
  • Ġrieħi fuq persuni – 0.3%
  • Offiżi sesswali – 21%

Minn kriminalità fis-soċjetà, għall-kriminalità personali u virtwali

Min-naħa tiegħu, il-kriminologu Saviour Formosa spjega kif il-kriminalità tevolvi mas-soċjetà u għalhekk li hemm bidla fit-tip ta’ reati, biex illum, ir-reati l-aktar komuni huma dawk personali u virtwali.

“Qabel konnha qed naraw ir-reati dwar il-kriminalità dejjem jiżdiedu, iżda fl-aħħar tliet snin qed naraw tendenza ta’ kriminalità li qed tonqos,” saħaq Formosa. “Kull reat huwa żejjed u kull reat għandu vittma.”

Mir-rapporti li saru, spjega Formosa, 74% tal-vittmi kienu Maltin, filwaqt li l-bqija tal-vittmi kienu jiġu minn 61 pajjiż differenti. 

Estiż is-servizz tal-community policing; Jiżdiedu r-reati fil-Fgura

Intant, il-Ministru faħħar ħafna l-effett li ħalla l-community policing li beda tajjeb fil-Mellieħa u li issa se jkun estiż dan is-servizz, fosthom fir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imdina, is-Swieqi, Pembroke, Marsaxlokk, il-Belt Valletta, Birżebbuġa, Furjana u l-Fgura, anke għax din tal-aħħar rat żieda fil-kriminalità.

Il-Ministru kompla jispjega kif id-dinja u anke Malta tinbidel u l-Korp tal-Pulizija jrid jaddatta għal dawn ir-realtajiet ġodda, inkluż iż-żieda fir-reati aktar teknoloġiċi, bħal dawk ekonomiċi, b’Camilleri jisħaq li biex jinbidel u jaddatta, il-Korp irid jinvolvi aktar il-komunitajiet, bħall-Kunsilli Lokali, il-komunita kummerċjali u anke jeduka aktar lin-nies.

Dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid u l-metodu ġdid li qed jipproponi l-Gvern, il-Ministru qal li nhar it-Tnejn, il-Parlament se jkun qiegħed jiddiskuti din il-liġi fl-istadju tat-tielet qari fejn l-indikazzjonijiet huma li se jkun qed jittieħed ukoll il-vot.

More in Politika