Għaxar każijiet ġodda ta' coronavirus; Tnejn mill-pazjenti għandhom 'il fuq minn 70 sena

Żewġ pazjenti oħra f'Mater Dei jirriżultaw pożittiv għall-coronavirus

Fl-aħħar aġġornament dwar il-coronavirus, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa Malta kellha għaxar każijiet ġodda ta' coronavirus li jfisser li sa issa Malta kellha 48 każ ikkonfermat ta' Coronavirus.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Charmaine Gauci spjegat ukoll kif irriżultaw pożittiv l-ewwel żewġ pazjenti li għandhom 'il fuq minn 70 sena, wieħed minnhom kien fil-komunità, filwaqt li l-ieħor kien pazjent f'Mater Dei.

Spjegat kif dawn qed jingħataw aktar attenzjoni għax għalkemm jinsabu fi stat ta' saħħa tajba huma aktar vulnerabbli u għalhekk iċ-ċans li jkun hemm kumplikazzjonijiet huwa akbar.

Is-sors minn fejn l-anzjani (li kien jinsab fil-komunità) ħa l-infezzjoni għadu mhux magħruf. Fl-aħħar ġimgħat ma kienx imsiefer barra minn Malta. Jidher ukoll li l-anzjan ma kellux ħafna kuntatti.

Żewġ pazjenti oħra kienu Mater Dei meta rriżultaw pożittiv

L-anzjan l-ieħor, li għandu 73 sena, kien wieħed minn żewġ pazjenti oħra li kienu rikoverati fl-Isptar Mater Dei u li fl-aħħar sigħat irriżultaw pożittiv għall-coronavirus biex hekk, wara l-pazjenta tal-bieraħ, ifisser li f'Mater Dei kien hemm tliet pazjenti rikoverati għal raġunijiet differenti u li sakemm kienu l-isptar irriżultaw pożittiv għall-Covid-19.

L-awtoritajiet tas-saħħa qed iqisu dawn iż-żewġ każi relatati mal-każ tal-mara Ingliża li kienet Mater Dei minħabba ksur u li rriżultat pożittiv għall-Covid. Fil-fatt, wara l-każ tal-Ingliża, saru numru ta' testijiet fuq pazjenti oħra u rriżultaw pożittiv dawn iż-żewġt irġiel, inkluż l-anzjan ta' 73 sena.

Il-pazjenti l-oħra li kienu fl-istess kamra magħhom irriżultaw fin-negattiv. Is-sala ngħalqet u l-ħaddiema tas-saħħa li kellhom kuntatt magħhom tpoġġew fi kwarantina.

Żewġ tfajliet kienu bis-sintomi fuq l-ajruplan 

Żewġ nisa oħra, li jiġu minn xulxin u li kienu msiefra l-Ġermanja u anke l-Polonja, ħarġulhom is-sintomi meta kienu għadhom imsiefra. Dan ifisser li x'aktarx li kienu fuq l-ajruplan bil-virus u għalhekk beda jsir il-kuntatt ma' dawk il-passiġġiera li kienu magħhom fuq it-titjira minn Berlin għal Malta.

Gauci spjegat kif il-maġġoranza tal-każijiet f'Malta, anke dawk li ġew identifikati fl-aħħar 24 siegħa, jibqgħu każijiet importati relatati mal-ivjaġġar, iżda qed ikun hemm ukoll każijiet oħra, fi kliem Gauci "mistennija" fejn is-sors minn fejn ikun ittieħed il-virus jibqa' mhux magħruf jew ikun diffiċli biex ikun identifikat. Każijiet oħra huma trasmissjoni lokali, inkluż wara li kien hemm espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol.

Madankollu, Gauci xorta waħda saħqet li dan ma jfissirx li s-sitwazzjoini ma tinstabx taħt kontroll. Insistiet li aktar mal-każijiet ikunu identifikati minn qabel u aktar ma' jkun hemm contact tracing effettiv, aktar ikun limitat il-firxa ta' din il-marda.

Il-każi l-ġodda f'punti:

​Anzjan ta' 70 sena

  • L-ewwel anzjan bil-coronavirus
  • Ħarġulu s-sintomi fid-9 ta' Marzu u tkellem fis-17 ta' Marzu
  • Kellu uġigħ fi ġriżmejn, sogħla u deni
  • Kuntatti ma tantx kellmu
  • Is-sors tal-virus għadu mhux magħruf

Żewġ nisa Maltin ta' 26 u 27 sena

  • Kienu l-Ġermanja u l-Polona
  • Waslu minn Berlin fil-11 ta' Marzu
  • Bdew bis-sintomi fid-9 ta' Marzu meta kienu msiefra
  • Kellhom deni, sogħla, qtugħ ta' nifs u ħassewhom għajjiena
  • Daħlu fi kwarantina mill-ewwel
  • Sar contact tracing mal-passiġġiera fuq l-istess titjira

Koppja Taljana li għandhom 34 sena

  • Jgħixu u jaħdmu Malta
  • Ma kinux imsiefra
  • Kellhom kuntatt ma' persuna oħra fuq il-post tax-xogħol u li rriżulta pożittiv fil-jiem li għaddew
  • Il-mara bdiet bis-sintomi fit-12 ta' Marzu: Għajjiena, sogħla u uġigħ fil-muskoli
  • Ir-raġel beda fit-13 ta' Marzu: Uġigħ fil-muskoli

Maltija ta' 48 sena

  • Kienet Londra bejn l-1 u s-7 ta' Marzu
  • Fis-17 ta' Marzu bdiet bis-sintomi
  • Kif ġiet lura minn Londra bdiet mill-ewwel bil-kwarantina
  • Tgħix ma' familja ta' erba'. Jinsabu fi kwarantina

Żewġ pazjenti oħra Mater Dei

  • Wara li Ingliża rriżultat pożittiva waqt li kienet Mater Dei fi ksur saru testijiet fuq pazjenti oħra
  • Żewġ pazjenti oħra jirriżultaw pożittiv għall-coronavirus
  • Kienu fl-istess sala iżda differenti minn dik tal-Ingliża
  • Dawk li kienu fil-kamra magħhom irriżultaw fin-negattiv
  • Is-sala fejn kienu ngħalqet
  • Il-ħaddiema tas-saħħa kollha jinsabu fi kwarantina

Malti ta' 37 sena

  • Ma sifirx
  • Beda bis-sintomi fid-9 ta' Marzu: Deni, uġigħ fil-muskoli u sogħla
  • Irriżulta li kellu kuntatt fuq il-post tax-xogħol ma' barrani li kien l-Ingilterra
  • Mhux eskluż lanqas ħa l-virus mill-komunità
  • Qed isir il-contact tracing mal-ħaddiema l-oħra li jaħdmu miegħu

Tfajla ta' 26 sena

  • Tiġi minn persuna li kienet irriżultat fil-pożittiv fil-jiem li għaddew
  • Tiġi wkoll mit-tifel ta' tliet snin li wkoll irriżulta pożittiv
  • Għalhekk f'dan il-grupp ta' persuni hemm erba' każijiet 
  • L-ewwek każ kienet tfajla li siefret il-Belġju
  • L-oħrajn ġew identifikati waqt il-contact tracing
  • Din it-tfajla, għalhekk kienet mill-ewwel fi kwarantina u meta ħarġulha s-sintomi ma kinitx marret ix-xogħol

Isiru ħafna aktar testijiet

Charmaine Gauci saħqet li b'kollox, id-Direttorat responsabbli mis-saħħa pubblika għamlet 1,750 test.

F'Mater Dei saru 742 test. 

"Bdejna niftħu aktar testijiet fuq nies li ma sifrux biex naqbdu l-virus minn kmieni," saħqet Gauci.

'Xorta se taraw ajruplani neżlin'

Fakkret li hekk kif il-coronavirus qed jinfirex fl-Ewropa u kullimkien, ittieħdet id-deċiżjoni li jkunu sospiżi t-titjiriet lejn Malta min-nhar is-Sibt.

Gauci spjegat kif l-aħħar ċans biex persuni jidħlu Malta se jkun f'nofsilejl ta' bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. L-uniku eċċezzjoni se tkun titjira kmieni filgħodu minn Heathrow.

Kompliet tispjega kif xorta waħda se jkunu qed jidhru ajruplani neżlin iżda dawn se jkunu kollha vojta hekk kif se jaslu biss biex it-turisti li hawn Malta jirritornaw lura pajjiżhom.

More in Politika