'Mhux business as usual' - Il-MAM tappella għas-sospensjoni tat-titjiriet miż-żoni Taljani taħt kwarantina

Appellat ukoll biex il-passiġġieri kollha li waslu minn dawn iż-żoni fl-aħħar 14-il ġurnata jitpoġġew taħt kwarantina mandatorja

L-Assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta lit-Tobba, il-MAM, filwaqt li laqgħat l-aħbar li l-Air Malta ssospendiet it-titjiriet minn u lejn Milan insistiet li għandhom jitwaqqfu wkoll it-titjiriet kollha minn u lejn iż-żoni fl-Italja li jinsabu taħt lockdown.

“Is-sitwazzjoni mhijiex business as usual u huwa importanti li kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed tagħti prijorita lis-saħħa tal-popolazzjoni u li dan għandu jieħu preċedenza fuq l-interessi tan-negozju,” saħqet l-MAM.

Appellat ukoll li t-twaqqif tat-titjiriet jagħmel sens biss jekk il-passiġġieri kollha li waslu minn dawn iż-żoni fl-aħħar 14-il ġurnata jitpoġġew taħt kwarantina mandatorja u jekk dawn ma jimxux mal-ordnijiet ikun hemm ukoll multi biex iservu ta’ deterrent.

Kompliet tisħaq li kwalunke passiġġier li jaslu Malta mill-Italja għandhom jintalbu jimlew formola ta’ dikjarazzjoni mandatorja biex ikun assigurat li ma kinux f’żona li bħalissa tinsab taħt kwarantina, fl-aħħar 14-il ġurnata.

Temmet tappella lill-pubbliku biex jobdi l-istruzzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa.

“Nibqgħu siguri jekk kollha kemm aħna naġixxu b’mod responsabbli fl-interess komuni tas-soċjetà,” temmet tgħid il-MAM.

More in Politika