Coronavirus | Sospiżi t-titjiriet tal-Air Malta lejn Milan

Id-deċiżjoni tibqa’ fis-seħħ sakemm terġa’ tingħata kommunikazzjoni oħra.

Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, ħabbret li ssospendiet it-titjiriet kollha tagħha minn u lejn Milan u dan wara l-firxa tal-coronavirus fit-Tramuntana tal-Italja.

Bħalissa, fuq digriet tal-Gvern Taljan, ġie impost lockdown fil-Lombardija u partijiet oħra fl-Italja, biex b’kollox, madwar 16-il miljun persuna jinsabu taħt kwarantina.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru u l-membri tal-Kabinett li huma kkonċernati.

Il-passiġieri milquta qed ikunu infurmtati u d-deċiżjoni tibqa’ fis-seħħ sakemm terġa’ tingħata kommunikazzjoni oħra.

More in Politika