Sondaġġ xjentifiku | Is-sitwazzjoni tat-traffiku: għall-aħjar imma mhux wisq

Ftit biss kienu dawk li qalu li s-sitwazzjoni tat-traffiku fl-aħħar sena marret ħafna għall-aħjar

Apparti s-sondaġġ dwar il-mezzi preferuti tat-trasport, ippubblikat din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM talbet ukoll lill-istess parteċipanti jagħżlu numru minn 1 sa 10, bl-10 jindika li persuna taqbel ħafna u 1 ifisser li ma taqbel xejn ma’ din l-istqarrija: “Is-sitwazzjoni tat-traffiku minn sena ’l hawn tjiebet”

Il-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem, jew 60.9% għażlu rata bejn 4 u 7, jiġifieri għalihom tjiebet xi ftit jew wisq iżda mhux ħafna lanqas.

Kienu 24.5% li wieġbu li t-traffiku baqa’ fejn kien u dan minkejja xogħlijiet infrastrutturali li saru fl-aħħar xhur.

14.5% (biss) għażlu bejn in-numru 8 u 10 u allura ftit huma dawk li jemmnu li s-sitwazzjoni tat-traffiku tjiebet.

Ta’ Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat l-inqas kuntenti bis-sitwazzjoni tat-traffiku

Bħal-lum ġimgħa, il-gazzetta ILLUM ippubblikat sondaġġ li wera kif il-maġġoranza tal-Maltin, jew 65% jaqblu mas-Central Link. Madanakollu

40% ta’ dawk li jgħixu fil-Punent tal-pajjiż, wieġbu li ma jaqblu xejn miegħu u dan kien l-ogħla persentaġġ ta’ parteċipanti kontra minn kull żona, età jew livell ta’ edukazzjoni.

Taż-Żejtun, Birżebbuġa, Marsaxlokk u Ħal Għaxaq jaraw titjieb

 Mill-banda l-oħra, l-aktar li saħqu li s-sitwazzjoni tat-traffiku tjiebet, anke jekk il-persentaġġi mhux għolja ħafna, kienu dawk li jgħixu fil-lokalitajiet fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-Port jew inkella fil-lokalitajiet taż-Żejtun, Birżebbuġa, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħal Kirkop, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq.

65.9% ta’ dawk li jgħixu fin-Nofsinhar tal-Port u 59.4% ta’ dawk li jgħixu fil-lokalitajiet imsemmija qalu li s-sitwazzjoni marret għall-aħjar. Fosthom ukoll, 21.5% u 18.4% qalu li s-sitwazzjoni tat-traffiku tjiebet fl-aħħar sena.

Donnu li proġett bħalma hu dak tal-Junction tal-Marsa qed iħalli r-riżultati mixtieqa fost ir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet li bla dubju ta’ xejn huma dawk li l-aktar qed u se jibbenefikaw minnu.

More in Politika