Sondaġġ xjentifiku | Tal-linja lura flok ’il quddiem; iż-żgħażagħ ma jridux jafu biha

Minkejja l-kuxjenza, il-kampanji u l-miżuri, sondaġġ xjentifiku li għamlet il-gazzetta ILLUM juri li l-karozza tal-linja għad fadlilha x’taqdef biex tattira lill-Maltin, b’mod partikolari liż-żgħażagħ

Ma hemmx Sibt u lanqas Ħadd. It-traffiku jesperjenzah kulħadd u kulħadd igerger dwaru iżda ftit huma dawk li lesti jissagrifikaw il-karozza privata tagħhom u jagħżlu tal-linja jew inkella mezz ieħor alternattiv ta’ transport. Fil-fatt, skont sondaġġ xjentifiku li għamlet il-gazzetta ILLUM huma biss 13.6% li jagħżlu l-karozza tal-linja biex imorru minn post għall-ieħor. 

Minkejja diversi miżuri li ġew introdotti, partikolarment biex studenti u anke anzjani jivvjaġġaw b’xejn, tal-linja jidher li sejra lura u mhux ’il quddiem. Fl-aħħar sondaġġ dwar it-trasport li l-gazzetta ILLUM ippubblikat f’Awwissu 2019 kienu 16.8% li wieġbu li jippreferu jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku. Anke jekk id-differenza hija żgħira dan ma jawgura xejn tajjeb għax jidher li għadna ’l bogħod biex xi darba nittamaw li tinbidel il-mentalità tal-Maltin u jduru bi ħġarhom għal mezzi alternattivi ta’ trasport.

Anke jekk naqset xi ftit ukoll, ma tantx hija xi sorpriża li l-karozza privata tibqa’ l-mezz ta’ trasport l-aktar popolari u importanti għall-Maltin li ma jidhirx li lesti jissagrifikawha malajr biex jaqbdu tal-linja. Fil-fatt, il-karozza privata hija l-mezz ta’ trasport favorit ta’ 75.3% tal-Maltin.

Il-mistoqsija li għamlet il-gazzetta ILLUM hija: Biex tivvjaġġa jew tasal minn post għall-ieħor x’tuża?

Iż-żgħażagħ l-inqas li jużaw tal-linja

Ma jawgura tajjeb xejn li ż-żgħażagħ u dawk ta’ mezza etàhuma l-inqas li jużaw il-karozza tal-linja għax ifisser li fadlilna x’noħolmu li xi darba l-mentalità se tinbidel. Bla dubju ta’ xejn li dan huwa l-agħar riżultat ta’ dan is-sondaġġ. 

L-ironija hija li fis-sondaġġi li saru fl-aħħar xhur, l-aktar li huma konxji dwar il-bżonn li l-ambjent ikun protett u allura l-importanza li jintużaw mezzi alternattivi ta’ trasport, huma dawk li għandhom bejn it-18 u l-35 sena.

Fil-fatt, huma 5% biss ta’ dawk li għandhom bejn it-18 u l-35 sena u 6% biss ta’ dawk li għandhom bejn is-36 u l-50 sena li jippreferu jużaw il-karozza tal-linja. Dawn huma l-aktar li jużaw il-karozza privata, hekk kif dan huwa l-mezz favorit ta’ trasport fost 87.5% u 84.3% taż-żgħażagħ u dawk ta’ mezza età, rispettivament.

Interessanti wkoll li flok ’il quddiem sejrin lura. F’Awwissu li għadda kienu 7.3% taż-żgħażagħ u 9.6% ta’ dawk ta’ mezza età li wieġbu li jużaw tal-linja biex jivvjaġġaw.

Ta’ min ifakkar li dan ir-riżultat xejn pożittiv inkiseb minkejja diversi miżuri mħabbra biex jiżdied l-użu tat-trasport pubbliku. Fil-fatt, b’diversi miżuri mħabbra fil-Baġits li għaddew dawk li għandhom bejn l-14 u l-20 sena jivvjaġġaw b’xejn fuq tal-linja.

Anke jekk l-użu jibqa’ dejjem taħt il-50%, l-aktar li jużaw it-trasport pubbliku huma dawk li għandhom ’il fuq minn 65 sena (31.6%) u warajhom dawk li għandhom bejn il-51 u l-65 sena (17.2%). Fiż-żewġ gruppi ta’ età kien irreġistrat ukoll tnaqqis fl-użu tal-karozza tal-linja meta r-riżultat ta’ dan is-sondaġġ ikun imqabbel ma’ dak ta’ Awwissu.

Fl-aħħar baġit, il-Gvern ukoll ħabbar vjaġġar b’xejn għal dawk li għandhom 75 sena jew aktar. 

L-użu tal-karozza privata jibqa’ l-favorit fost dawk ta’ kull età, inkluż fost dawk li għandhom minn 51 sena ’l fuq.

Tnaqqis drastiku f’Għawdex; l-inqas reġjun li fih tintuża tal-linja 

Minkejja li f’Għawdex id-distanzi huma qosra u tista’ tgħid li l-lokalitajiet huma tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn xulxin, meta wieħed iħares lejn ir-reġjuni, il-popolazzjoni ta’ Għawdex hija l-inqas li tagħmel użu mit-trasport pubbliku.

Interessanti li dan ir-riżultat huwa għalkollox differenti minn dak li sabet l-ILLUM f’Awwissu li għadda. Jekk f’Awwissu 23.6% tal-Għawdxin qalu li jippreferu jużaw it-trasport pubbliku, din id-darba kienu biss 6.3% li wieġbu li jivvjaġġaw b’tal-linja

L-aktar li jużaw it-trasport pubbliku huma dawk li jgħixu fil-lokalitajiet li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Port (24.5%), jiġifieri l-Belt Valletta, il-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, il-Furjana, Ħal Luqa, il-Marsa, Raħal Ġdid, Santa Luċija u x-Xgħajra.

Jista’ jagħti l-każ li dan ir-riżultat huwa frott il-fatt li dawn huma fost l-aktar inħawi popolati, lokalitajiet li fihom hemm problema ta’ parkeġġ (u allura jaqbillek b’tal-linja) u għax is-servizz tat-trasport pubbliku huwa aktar spiss.

Mill-banda l-oħra, l-inqas li jużaw it-trasport pubbliku (9.8%) huma dawk li jgħixu fit-Tramuntana tal-Port, jiġifieri f’Ħal Qormi, Birkirkara, il-Gżira, il-Ħamrun, l-Imsida, Pembroke, il-Pietà, San Ġiljan, San Ġwann, Santa Venera, Tas-Sliema, is-Swieqi u Ta’ Xbiex.

Interessanti din id-diskrepanza bejn il-lokalitajiet fuq iż-żewġ naħat tal-Port, għax fil-fatt iż-żewġ naħat huma ppopolati ħafna u fiż-żewġ reġjuni hemm problema enormi ta’ parkeġġ u traffiku. Sa Awwissu li għadda, kienu 20.3% ta’ dawk li jgħixu fit-Tramuntana tal-Port li qalu li jippreferu tal-linja, jiġifieri anke hawn, bħal Għawdex, it-tnaqqis fl-użu tat-trasport pubbliku kien wieħed kbir.

Tal-linja ma tantx hija l-favorita lanqas fost dawk li jgħixu fit-Tramunata tal-pajjiż, f’lokalitajiet bħall-Għargħur, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, hekk kif 10.2% biss jagħżlu li jużaw it-trasport pubbliku. 

Mort l-università? Mela xaktarx dipendenti aktar fuq il-karozza

Ir-raġuni tgħidlek li aktar ma jkollok skola, aktar għandu jkollok għarfien dwar il-problema tat-tniġġis tal-arja u t-tibdil fil-klima u allura l-ħtieġa li nibżgħu għall-ambjent, inkluż bl-użu alternattiv ta’ trasport.

Iżda anke hawn is-sondaġġ ma tantx għandu riżultati pożittivi. Għall-kuntrarju, l-aktar li jużaw il-karozza privata u l-inqas li jagħmlu użu mill-karozza tal-linja huma dawk li komplew l-iskola wara s-sekondarja u kisbu edukazzjoni terzjarja.

Fil-fatt, f’dan ir-rigward, ir-riżultati kienu konsistenti ma’ dawk ta’ Awwissu li għadda. Dawk li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni huma l-aktar li jużaw il-karozza tal-linja, anke jekk il-persentaġġi mhumiex spettakolari.

Minn dawk li għandhom edukazzjoni post sekondarja jew terzjarja kienu 5.4% u 4.8% rispettivament li wieġbu li jużaw il-karozza tal-linja. Mill-banda l-oħra 89% u 86.8% rispettivament jagħżlu li jivvjaġġaw bil-karozza tagħhom u anke jekk dawn huwa inqas minn dak li sab l-istess sondaġġ f’Awwissu li għadda, it-tnaqqis tant kemm hu żgħir li huwa kważi kważi insinifikanti. 

Mill-banda l-oħra 32.3% ta’ dawk li għandhom biss edukazzjoni primarja u 16.1% ta’ dawk li waqfu sas-sekondarja qalu li jużaw il-karozza tal-linja. 

Il-karozza nħobbuha wisq!

L-inqas li jużaw il-karozza privata huma dawk li waqfu sal-iskola primarja. 38.9% (biss) minn dawn qalu li jippreferu l-karozza privata. Warajhom (44.5%) l-anzjani li għandhom ’il fuq minn 65 sena.

Ħdejn il-persentaġġ l-oħra kollha li jissuperaw sew il-50%, dawn huma baxxi ħafna. Fil-fatt, il-karozza privata tibqa’ l-favorita.

L-Għawdxin huma wkoll l-aktar li jużaw il-karozza privata. Fil-fatt 89.4% tal-Għawdxin jagħżlu l-karozza biex jivvjaġġaw minn post għall-ieħor. Sa Awwissu li għadda, 66.8% tal-Għawdxin kienu għażlu l-karozza meta mistoqsija mill-ILLUM.

L-irġiel (80.1%) jippreferu l-karozza aktar min-nisa (70.5%) anke jekk iż-żewġ sessi ma jħobbu xejn jużaw il-karozza tal-linja, hekk kif kienu 10.2% tal-irġiel u 16.9% tan-nisa li jivvjaġġaw bil-karozza tal-linja.

Il-mixi u r-rota ma rridux nafu bihom

Il-kumdità nħobbuha wisq. Ma tarax li se nimxu jew se mmorru bir-rota. Nistgħu mhux nagħmlu karreġġjati.

Huma 2.2% tal-Maltin li jippreferu jimxu milli jaqbdu karozza jew it-trasport pubbliku u 0.4% biss li se jużawlek ir-rota biex imorru minn post għall-ieħor. Bit-traffiku li hawn ma ttihomx tort. 

Anke jekk l-età tagħmel tagħha, interessanti li l-aktar li għażlu l-mixi kienu dawk li għandhom ‘il fuq minn 65 sena (3.7%). Ovvjament il-persentaġġ jibqa’ wieħed insinifikanti.

More in Politika