F'sena 82 mara Maltija talbet l-għajnuna tal-Abortion Suppost Network biex tagħmel abort

Filwaqt li l-maġġoranza setgħu jħallsu għall-abort, ASN għenet finanzjarjament lil 10 nisa Maltin biex isiefru u jwaqqfu t-tqala

F'sena, 82 mara Maltija għamlu kuntatt mal-Abortion Suppost Network, l-organizzazzjoni bbażata fir-Renju Unit u li tipprovdi pariri u assistenza, inkluż finanzjarja, lil nisa Maltin li jkunu jixtiequ jagħmlu abort.

Fil-fatt, kien bħal lum sena, li Abortion Support Network ħabbret li se testendi s-servizzi tagħha f’Malta.

Minn dawn it-82 persuna, ASN ħallset l-ivjaġġar, il-konsultazzjoni u l-abort lil 10 nisa Maltin.

Dawn kellhom bejn id-19 u s-46 sena.

Il-maġġoranza ta’ dawk li kkuntattjaw lil ASN riedu informazzjoni dwar l-għażliet li għandhom quddiemhom, bil-maġġoranza tagħhom jitolbu informazzjoni dwar il-pillola abortiva.

Ħafna minn dawk li għamlu kuntatt kienu jaffordjaw li jħallsu għal abort u anke għall-ivvjaġġar u riedu biss informazzjoni u għajnuna dwar l-arranġamenti.

Dawk li riedu l-għajnuna finanzjarja ngħataw total ta’ €10,693, €2,724 għall-ivjaġġar u l-akkomodazzjoni u €7,967 għall-konsultazzjoni u s-servizz tal-abort.

Dan ifisser li b’kollox, kull klijent, irċieva medja ta’ €1,100.

Skont l-ASN, kienu ftit dawk li waqfu l-kuntatt magħha wara l-ewwel telefonata, ftit ma setgħux jivvjaġġaw għax ma kellhomx ma' min iħallu t-tfal u kien hemm min iddeċieda li jkompli bit-tqala.

Min-naħa tagħha, Mara Clarke, f’isem ASN, qalet li minkejja li l-orgranizzazzjoni mhijiex kuntenta bil-fatt li n-nisa Maltin ikollhom jagħmlu kuntatt magħhom biex jirċievu informazzjoni jew jagħmlu abort, mill-banda l-oħra sodisfatti bis-servizz li qed joffru.

Saħqet li jittamaw li jdumx ma jasal il-mument meta Malta ma jkollix bżonn is-servizz tagħha

“Dawn in-numru jkomplu jikkonfernaw kemm in-nisa f’Malta qed ikollhom jiddependu fuq pajjiżi oħra u NGOs biex jirċievu l-kura tas-saħħa li għandhom bżonn għax il-leġislaturi f’Malta mhumiex kapaċi jpoġġu d-drittijiet umani u l-mediċina qabel it-twemmin personali tagħhom,” saħaq Christopher Barbara f’isem Voice for Choice.

Fi kliemu, hija “tal-mistħija” li n-nisa f’Malta għad ma għandhomx aċċess għall-abort.

Aqra aktar dwar l-aħħar sondaġġ li għamlet il-gazzetta ILLUM fejn irriżulta li 85% tal-Maltin jibqgħu kontra l-abort

More in Politika