L-Avukat tal-eks xufier tal-Ministru Manuel Mallia jgħid li l-isparatura kienet ġustifikata

 Paul Sheehan kien spara żewġ tiri lejn il-karozza ta’ Stephen Smith wara li dan tal-aħħar ħabat mal-karozza pparkjata tal-Ministru fil-Gżira u baqa’ sejjer

L-Avukat Edward Gatt saħaq li l-eks uffiċjal tal-Pulizija u eks xufier tal-Ministru Manuel Mallia għandu jkun iġġustifikat meta spara lejn il-karozza ta’ xufier fis-sakra li ħabat mal-vettura tal-ministru u baqa’ sejjer.

Il-Maġistrat Nadine Lia semgħet l-aħħar sottomissjonijiet tal-avukat li qed jiddefendi l-eks kuntistabbli tal-Pulizija.

Hu mifhum li Paul Sheehan spara żewġ tiri lejn il-karozza ta’ Stephen Smith, f’Novembru tal-2014 u dan wara li l-istess Smith ħabat mal-karozza pparkjata tal-Ministru fil-Gżira u baqa’ sejjer. Fil-ħin tal-inċident, Smith kien taħt l-effett tal-alkoħol.

Oriġinarjament Sheenan kien akkużat b’attentat ta’ omiċidju, intimidazzjoni bl-użu ta’ arma, li wettaq ħsara, li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr raġuni valida, li spara fil-pubbliku u li kiser il-paċi pubblika fost oħrajn.

L-akkuża dwar l-attentat ta’ omiċidju twaqqgħet fuq parir tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Gatt tefa’ t-tort kollu fuq Stephen Smith li fi kliemu, kien qiegħed isuq b’mod perikoluż waqt li kien fis-sakra.

“Żewġ esperti tal-Qorti ġew hawn f’Ottubru tal-2017 u ġabu fix-xejn l-akkużi kollha. Irrabbjat għax anke waqt l-inkjesta ... x’testijiet tad-demm saru fuq Smith? Xejn. X’azzjoni ttieħdet għax kellu pjanċa tar-reġistrazzjoni barranija? Xejn,” saħaq l-Avukat.

Kien hawn li l-Avukat Gatt, filwaqt li għamel referenza għall-każi oħra li fihom kienu involuti uffiċjali tal-pulizija, saħaq li l-isparatura kienet waħda ġustifikata. 

Insista li l-klijent tiegħu kellu l-permess li jġorr l-arma u wara kollox spara meta Smith ipprova jaħrab minn fuq il-post.

Fakkar li l-esperti spjegaw kif l-ewwel sparatura seħħet meta l-vettura ta’ Smith kienet bejn 20 u 25 metru ‘l bogħod u l-mira kien it-tyre. “Dan iġġib fix-xejn l-akkuża dwar l-attentat tal-ġrieħi serji,” saħaq l-Avukat.

Kompla jisħaq li t-tieni tir laqat is-saqaf tal-vettura minħabba li l-karozza kienet f’niżla. Meta ġie sparat it-tieni tir, Smith kien 40 metru ‘l bogħod.

“Kien hemm nies li qatlu u għaddewha lixxa, imma Sheenhan ttella’ għax kien min kien – ix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia,” saħaq l-Avukat.

Il-każ ikompli f’April.

More in Politika