Wara tmien xhur fil-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba nnominat bħala l-MPE tas-sena

Dan apparti li POLITICO EUROPE għażlitu ma’ 19-il MPE ieħor li għandhom ikunu segwiti għax-xogħol li se jkunu qed iwettqu fis-sena 2020

Tmien xhur biss wara li ġie elett bħala Ewroparlamentari, Alex Agius Saliba ġie nnominat għall-premju l-Ewroparlamentari tas-sena.

Agius Saliba rnexxielu jagħmilha mal-aħħar tlieta nnominati għall-unur fil-kategorija tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Din in-nominazzjoni ġiet biss ftit jiem wara li l-ġurnal awtorevoli POLITICO EUROPE għażlitu ma’ 19-il MPE ieħor li għandhom ikunu segwiti għax-xogħol li se jkunu qed iwettqu fis-sena 2020. 

Fil-każ ta’ Alex Agius Saliba POLITICO EUROPE issemmi l-ħidma li se jkun qed jagħmel fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

“Jekk jirnexxili nikseb dan l-unur verament inkun onorat b’din il-fiduċja, iżda n-nominazzjoni nfusha hija diġà rikonoxximent importanti tax-xogħol li qed nagħmel bħala Ewro-Parlamentari ġdid. Din in-nominazzjoni mhiex biss ta’ sodisfazzjoni għalija, iżda anke għal Malta u l-poplu Malti u Għawdxi li f’Mejju li għadda wrew fiduċja fija. Ninsab sodisfatt li minkejja li ġej mill-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea bix-xogħol li qed nagħmlu bħala Ewro Parlamentari jista’ jkollna influwenza important fuq it-tfassil tal-politika Ewropea,, sostna Agius Saliba.

L-Ewro Parlamentari Agius Saliba ġie appuntat rapporteur għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, leġiżlazzjoni mistennija mill-Kummissjoni Ewropea biex tirregola pjattaformi diġitali bħal Google u Facebook. 

Dan l-att huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar mandati b’saħħtu għall-ambjent diġitali tal-futur.

Fl-aħħar jiem Agius Saliba nnegozja f’isem il-grupp politiku li jappartjani għalih għal reżoluzzjoni ta’ charger komuni għall-mowbajls. Huwa appell lill-Kummissjoni Ewropea sabiex taħdem fuq charger komuni għal tagħmir elettroniku żgħir u medju.

More in Politika