'Irridu nsostnu wkoll it-turiżmu għall-barranin li jippreferu ma joqogħdux f'lukanda'

Il-Ministeru għall-Ekonomija jirreaġixxi għall-kummenti tal-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo u jisħaq li hu maqtugħ mir-realtà

Il-Ministeru għall-Ekonomija, Invetimenti u Negozji żgħar akkuża lill-Oppożizzjoni li hija “negattiva maqtugħa mir-realtà u b'kunflitti ta’ nteress ċar.”

Fi stqarrija, il-Ministeru għamel referenza għall-kummenti tal-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo meta fil-Parlament implika li l-Gvern qed jigdeb meta jgħid li l-ekonomija qiegħda tikber u li t-turiżmu lejn Malta qed joqrob il-figura ta' 3 miljuni.

“Minħabba li t-turiżmu huwa pilastru ekonomiku ewlieni, kull attakk fuq is-suċċess ta' din l-industrija huwa attakk fuq is-suċċess ekonomiku ta' pajjiżna,” saħaq il-Ministeru.

Saħaq li l-Oppożizzjoni hija maqtugħa għal kollox mir-realtà fl-industrija turistika u dan wara li skont Robert Arrigo l-figura tat-turisti għandha tinkludi biss l-ammont ta' dawk li jagħżlu li joqgħodu f'lukandi.

“Fl-aħħar snin madwar id-dinja kollha żdied bil-qawwa l-fenomenu tal-Airbnb li f'ħafna bliet sar jiddomina t-turiżmu. Barra minn hekk hawn Malta għandna storja twila ta' holiday lets - b'għexieren ta' eluf ta' postijiet mikrija lit-turisti. Dawn jinkludu villel u farmhouses lussużi li jattiraw turisti li jonfqu ferm aktar minn dawk li joqgħodu ġo lukanda,” saħaq il-Ministeru.

Waqt li kkwota minn statistiċi uffiċjali, il-Ministeru qal li Robert Arrigo għamel żball ta' nofs miljun, jew kważi 50% fl-ammont ta' turisti li joqogħdu ġo lukandi f'pajjiżna. 

“Filfatt l-aħħar darba li f'pajjiżna kien hawn 1.1 miljun turist joqgħodu f'lukandi kien fl-2012 skont l-istatistika ufficjali. Dan ifisser li Robert Arrigo għadu ma ndunax li fis-seba’ snin taħt Gvern Laburista t-turisti li joqogħdu f'lukandi żdiedu b'aktar minn nofs miljun, jew bi kważi 50%,” stqarr il-Ministeru.

L-istqarrija saħqet li l-Gvern huwa kommess li filwaqt li jkompli jgħin fit-tkabbir ekonomiku u jgħin ukoll lill-qasam tal-lukandi jrid isostni wkoll it-turiżmu għall-barranin li jippreferu li ma jqattgħux btala ġo lukanda. 

“Dan huwa settur importanti għax iħalli flus dirett fil-bwiet ta' eluf ta' familji Maltin u speċjalment Għawdxin,” saħaq il-Ministeru.

Ikkwota minn studju riċenti tal-Bank Ċentrali ta' Malta li indika li l-Airbnb iħalli madwar 110 miljun ewro kull sena fi qligħ għall-familji. 

“Dan huwa ammont akbar minn dak li l-familji tagħna jaqilgħu f'kirjiet li jagħmlu mill-ħaddiema barranin li jaħdmu Malta. Robert Arrigo jrid jeqred dan it-tip ta’ turiżmu u għalhekk irid iċaħħad lill-eluf ta' familji minn miljuni ta' ewro fi dħul,” temmet tgħid l-istqarrija

More in Politika