Il-President jisħaq li l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abort hi magħrufa u mhux se tinbidel

Vella qal dan fi stqarrija b’referenza għall-istqarrija maħruġa lbieraħ mill-koalizzjoni Voice for Choice li kkritikat lill-President għax se jindirizza manifestazzjoni favir il-ħajja

Il-President ta’ Malta George Vella ddikjara li l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abort hi magħrufa u mhux se tkun qed tinbidel.

Vella qal dan fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-President b’referenza għall-istqarrija maħruġa lbieraħ mill-koalizzjoni Voice for Choice li kkritikat lill-President għax se jindirizza manifestazzjoni favir il-ħajja.

“L-Uffiċċju tal-President irid jagħmilha ċara li kuntrarju għal dak li ġie rrappurtat b’intenzjonijiet mhux ċari, il-President qatt ma kien parteċipi ma’ ebda grupp, lemini jew xellugi, li kien kontra d-drittijiet ċivili bħad-divorzju, l-IVF u l-LGBTIQ. Tali allegazzjonijiet huma kompletament bla bażi,” insista Vella.

Filwaqt li saħaq li hu qatt ma sab diffikultà li jkun ċar dwar x’jaħseb fuq id-dritt għall-ħajja, insista li l-allegazzjonijiet ta’ Voice for Choicehuma żbaljati għax l-Uffiċċju tal-President ma ftiehemx li jagħmel xi manifestazzjoni pubblika dwar dan is-suġġett

“Kull mhu maqbul mal-Uffiċċju tal-President hu li, nhar il-Ħadd 2 ta’ Frar 2020, il-President jattendi għal quddiesa favur il-ħajja, kif għamlu presidenti ta’ qablu, sena wara sena. Wara l-quddiesa, hu ppjanat li titkompla l-attività fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika