Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob li l-kuntratt ma' Konrad Mizzi jittella' quddiem il-PAC

Adrian Delia jappella biex kemm jista' jkun malajr il-kuntratt ta' Konrad Mizzi mal-MTA jittella' quddiem il-Parlament

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Viċi Kap tal-PN u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo llum kitbu liċ-Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex il-kuntratt li sar bejn l-Awtorità tat-Turiżmu u Konrad Mizzi jinġieb b'mod urġenti quddiem il-PAC. Dan biex fost l-oħrajn jiġi determinat jekk ġewx segwiti ir-regoli li jikkonċernaw l-infieq pubbliku, jekk il-Bord tal-Awtorità tat-Turiżmu kienx jaf u tax l-approvazzjoni u jekk intalabx il-kunsens tal-Ministeru tal-Finanzi qabel sar dan il-kuntratt.

Huma kienu qed jirreferu għal rapporti illi Konrad Mizzi ngħata kuntratt mal-MTA ġmagħtejn wara li rriżenja minn Ministru. Dan il-kuntratt ifisser €6,700 fix-xahar. 

Delia u Arrigo fakkru illi skont l-Artiklu 7(8) tal-Att dwar Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta, L-Awtorità tat-Turiżmu ma tista' tidħol għall-ebda spiża li ma tkunx ġiet approvata mill-Kamra tad-Deputati.

"L-Oppożizzjoni Nazzjonalista u l-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi jistennew li dan il-kuntratt oxxen li ngħata lill-Ministru tal-Panama Papers jiġi itterminat minnufih u mingħajr ħela ta' ħin."

 

More in Politika