Inkjesta pubblika | 'Ix-xhieda kollha jgħidulna: mhux jien, staqsu lill-ieħor' - Said Pullicino jilmenta

Jixhdu quddiem l-inkjesta pubblika l-eks Kummissarju Michael Cassar u l-eks Kap tal-MFSA Joe Bannister

L-eks Kap tal-MFSA Joe Bannister u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar huma x-xhieda tal-lum quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-għan tal-inkjesta huwa li tistabbilixxi jekk il-qtil ta’ Caruana Galizia setax ġie evitat u jekk l-Istat bl-azzjonijiet jew in-nuqqasijiet tiegħu setax għen biex tinħoloq klima li fih l-assassinju seta’ jseħħ.

L-ewwel xhud tal-lum kien l-eks Kummissarju Micheal Cassar li talab li jixhed wara l-bibien magħluqa, liema talba ġiet aċċettata.

'Qatt ma ltqajt ma' Keith Schembri jew Nexia BT' - Bannister

It-tieni xhur kien Joe Bannister li kien mistoqsi dwar Pilatus Bank u l-liċenzja mogħtija lilu.

Għall-mistoqsijiet li sarulu, Bannister wieġeb li kien jaf liċ-Chairperson tal-Bank Pilatus iżda insista li qatt ma ltaqa' ma' Keith Schembri jew inkella Nexia BT.

Mistoqsi jekk investigax lil dawn il-persuni wara dak li rrapportat fuqhom Caruana Galizia, Bannister saħaq li saru superviżjonijiet fuq il-post mid-dipartiment tal-MFSA responsabbli mill-banek, iżda saħaq li mhux infurmat dwar ir-rapport li saru biex jingħataw lill-FIAU.

"Anke jekk nitlobhom biex nara dawn ir-rapporti, mhux se jħalluni narahom," insista Bannister.

L-eks Prim Imħallef Said Pullicino kompla jistaqsih: "għandna sitwazzjoni fejn bank liċenzjat mill-MFSA joħroġ fil-beraħ fil-Panama Papers. Imbagħad tara lil xi ħadd ħiereġ bil-bagalji tard bil-lejl..." Bannisetr jisħaq li kienu għaddejin l-investigazzjonijiet iżda hu dettalji dwarhom ma għandux u ma kienx infurmat.

'Qed ngħidlek kollox'

F'ħin minnhom, Said Pullicino, bħal donnu b'qalbu maqtugħa, jgħidlu: "jekk għandek xi informazzjoni, jekk jogħġbok għidilna. Ninsabu fl-agħar sitwazzjoni. Ix-xhieda kollha jgħidulna: 'mhux jien, staqsu lill-ieħor."

Min-naħa tiegħu, Bannister jinsisti miegħu li qed jixhed taħt ġurament u għalhekk kull ma jaf.

"Nassigurak li l-MFSA għamlet xogħla. Iżda ma nistax ngħidilkom kif," insista Bannister. 

Aktar dettalji:

Fl-aħħar seduti riċenti, xehed Manfred Galdes, eks Kap tal-FIAU li xehed xehed fuq diversi rapporti li għadda lill-Pulizija u saħaq li kien jistenna li dwar ċertu rapporti kienu se jittieħdu passi immedjati, fosthom iffriżar tal-assi, waqt li insista li sa sentejn wara baqa' ma sar xejn. 

Il-bord tal-inkjesta huwa magħmul mill-Imħallef Emeritu Michel Malia, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

Il-bord tal-inkjesta huwa marbut li jippreżenta r-rapport tal-inkjesta lill-Prim Ministru lill-Avukat Ġenerali u biex jippreżentah lill-pubbliku fi żmien ġimgħa minn meta jkun għaddih lill-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru għandu jippreżenta dan ir-rapport lill-Parlament fi żmien ħamest ijiem minn meta jirċevih. 

L-inkjesta pubblika għandha tkun lesta sa Settembru li ġej.

More in Politika